Thursday, January 30, 2025

PREŻENTATA DONAZZJONI LILL-FONDAZZJONI RICHMOND MIĠBURA MILL-ATTVITÀ BOV COLOUR MY RUN

Aqra wkoll

Kollaborazzjoni riċenti bejn il-Bank of Valletta u Colour My Run Malta, serviet biex il-Bank ikun jista’ jippromwovi sfida li toħloq kuxjenza dwar il-benesseri fiżiċi, mentali u finanzjarji. Din l-inizjattiva, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha għall-BOV wasslet biex inġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Richmond b’parti mid-dħul ta’ kull applikazzjoni mill-parteċipanti u donazzjoni ġeneruża mill-Bank u kumpaniji oħra li appoġġjaw din l-inizjattiva jwasslu għal din id-donazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia ppreżenta d-donazzjoni lil Daniela Calleja Bitar, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond matul il-perjodu tal-Milied. Il-preżentazzjoni saret fil-preżenza ta’ Nathan Farrugia minn Colour My Run Malta u ta’ Daniel Magrin, Kap fid-dipartiment tal-Marketing tal-Bank of Valletta.

Il-kampanja nazzjonali tal-BOV kellha l-għan li tħeġġeġ lill-pubbliku jibda jippjana għall-futur finanzjarju komdu waqt li jinkorpora wkoll l-aspett ta’ benesseri fiżiċi u mentali. Din l-inizjattiva ġabet flimkien persuni li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa fiżika u mentali biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li wieħed iżomm ruħu attiv fiżikament u jieħu ħsieb is-saħħa mentali wkoll.

Waqt il-preżentazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni Richmond fis-soċjetà Maltija. “Il-kollaborazzjoni tagħna ma’ Colour My Run Malta, hija aspett importanti mill-isforzi tagħna li nrawmu stil ta’ ħajja sana permezz tal-eżerċizzju fiżiku. L-attività fiżika minnha nfisha tgħinek tikkumbatti l-isfidi li jġibu magħhom l-istress u r-rutina ta’ kuljum. Pero’ tajjeb insemmu wkoll l-importanza tal-benesseri finanzjarji, u llum iktar minn qabel huwa importanti ħafna li wieħed jippjana sa minn kmieni għal meta jiġi biex jirtira. Bħala l-ikbar Bank f’Malta, b’affiljazzjoni wiesgħa fil-komunità, għandna d-dmir li nkomplu noħolqu għarfien dwar il-benesseri finanzjarji u l-kollaborazzjoni tagħna ma’ Colour My Run kienet opportunità f’waqtha biex noħolqu kuxjenza fuq l-istabbiltà finanzjarja b’mod attiv.”

Il-fundatur ta’ UN Limited (l-organizzaturi ta’ Colour My Run), Nathan Farrugia qal li UN Limited temmen bi sħiħ li l-eżerċizzju fiżiku għandu jkun xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmlu jekk irridu li nħajru nies li mhumiex atleti jżommu ruħhom attiv. “Huwa għalhekk li nirringrazzja lill-BOV għall-appoġġ li wera f’din l-attività biex stajna nħeġġu iktar nies jingħaqdu magħna biex jiġru, jimxu jew jiżfnu tul ir-rotta ta’ Colour My Run mill-Forti Manoel. Ninsabu grati wkoll għal MIDI li tal-opportunità biex nużaw dan il-post sabiħ u l-isponsors l-oħra li ngħaqdu magħna biex inwasslu l-istess valuri ta’ dan il-proġett. Għażilna lill-Fondazzjoni Richmond għaliex nemmnu li s-saħħa fiżika u mentali għandhom imorru id f’id. Ma jistgħux jitqiesu bħala żewġ materji separati u l-edukazzjoni fuq l-importanza ta’ dan il-fatt hija ċentrali fil-missjoni tal-Fondazzjoni.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Daniela Calleja Bitar qalet li “l-Fondazzjoni tinsab kburija li qed tikkollabora ma’ UN Limited biex tiċċelebra r-rabta qawwija li teżisti bejn l-eżerċizzju fiżiku u l-benesseri mentali. Grazzi speċjali tmur għall-BOV li bis-saħħa tiegħu setgħet tittella’ l-Colour My Run 2024 li serviet ta’ okkażjoni biex tfakkarna kif il-moviment, il-kulur u s-sens ta’ komunità jistgħu jgħinu l-ġisem u l-moħħ.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport