Tuesday, February 24, 2026

Preżentati s-sottomissjonijiet finali fil-każ ta’ Austin Mallia

… is-sentenza mistennija tingħata l-Ħamis

Aqra wkoll

It-Tlieta filgħodu, ġew ippreżentati s-sottomissjonijiet finali mid-Difiża u l-Prosekuzzjoni fil-każ ta’ Austin Mallia li kien instab ħati fi tmiem ġuri dwar traffikar u pussess tad-droga. 

B’verdett ta’ 7 kontra 2, Mallia kien instab ħati tal-akkużi dwar assoċjazzjoni għal skop ta’ traffikar ta’ droga u pussess aggravat tal-kannabis. Matul il-proċeduri, reġgħet saret referenza għal post fuq Facebook allegatament ippubblikata minn oħt l-imputat. 

Il-post, li minn dakinhar gie mħassar, allegatament esprima diżappunt fil-Qorti u fis-sistema ġudizzjarja Maltija. Dawn l-allegazzjonijiet li saru kienu ġew deskritti fil-Qorti bħala “serji ħafna” u nfetħet investigazzjoni dwar il-każ.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-avukat tad-difiża Joe Giglio sostna li r-rwol ta’ Austin Mallia m’għandux jitqies l-istess bħal dak ta’ żewġ akkużati oħra. Huwa argumenta li l-involviment ta’ Mallia kien ferm iżgħar u li effettivament kien “intuża” mill-oħrajn. 

Giglio enfasizza wkoll li Mallia għandu fedina penali nadifa kompletament u ilu jaħdem ħajtu kollha bħala kok. Għal dawn ir-raġunijiet, sostna li Mallia ma jistħoqqlux sentenza ta’ għomor il-ħabs. 

Min-naħa l-oħra, il-Prosekuzzjoni enfasizzat li 50.7 kilogrammi ta’ kannabis kienu maħsuba biex jiddaħħlu Malta. Kieku ma kinitx l-Iskwadra tad-Droga tal-Pulizija, kwantità sostanzjali ta’ kannabis kienet tidħol fis-suq lokali. 

Il-prosekuzzjoni qalet li l-imputat kien jagħmel parti minn assoċjazzjoni ta’ persuni li aġixxew flimkien biex idaħħlu d-droga f’Malta.

Il-prosekuzzjoni rreferiet għal xi kawżi oħra, inkluż sentenza mill-Qrati Ingliżi, li enfasizzat li l-kwantità tad-droga hija importanti mhux biss fiha nnifisha iżda wkoll minħabba n-numru ta’ nies li jistgħu jintlaqtu minnha. 

Il-Qorti ġiet imfakkra li t-traffikar tad-droga jista’ jwassal għal dipendenza, tbatija, aktar kriminalità u vittmi oħra. 

Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti timponi sentenza li tibgħat messaġġ qawwi lit-traffikanti tad-droga u li sservi ta’ deterrent effettiv.

Id-difiża wieġbet li wieħed m’għandux jiġi ppenalizzat sempliċement għax ma ammettiex l-akkużi.

Is-sentenza mistennija tingħata l-Ħamis.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport