Monday, December 23, 2024

Preżentatur ta’ radju infetta lilu nnifsu apposta bil-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dennis Prager, preżenatur fuq stazzjon tar-radju u personalità magħrufa fuq YouTube, ħabbar li marad bil-Covid-19 wara li għannaq ‘eluf’ ta’ nies apposta biex jinfetta lilu nnifsu. Prager huwa magħruf għal kemm-il darba ġab l-argument li l-Covid mhuwiex ta’ theddida serja fejn anke wasal biex beda jiekol fir-ristoranti b’pużati maħmuġa.

Waqt il-programm tiegħu li jixxandar ta’ kuljum fuq YouTube, dan il-preżentatur qal li m’hemm xejn ħażin li huwa infettat bil-virus u li dan kien il-pjan oriġinali tiegħu. “Huwa ħafna aħjar li jkollok immunità naturali milli dik li tikseb b’tilqima u dan huwa dak li dejjem xtaqt,” iddikjara Prager. Fix-xandira mid-dar tiegħu minħabba kwarantina, il-preżenatur spjega li, “kien għalhekk li kont nitħallat anke ma’ nies li ma nafhomx. Kont il-ħin kollu ngħannaqhom u nieħu r-ritratti magħhom. Kont konxju li poġġejt lili nnifsi f’possibbiltà ta’ infezzjoni. Dak li ridt… kont qiegħed nittama li nibni immunità naturali u nikkura lili nnifsi bil-mediċini. Dan huwa eżattament li qiegħed jiġri,” kompla Prager.

Huwa qal li rriżulta pożittiv il-ġimgħa l-oħra u kien għalhekk li m’għamilx il-programm tiegħu fil-jiem tal-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa. Prager qal li qiegħed jesperjenza tkexkix ta’ bard iżda qiegħed jirkupra sew tant li s’issa ma kellux bżonn ta’ kura fi sptar.

Huwa ngħata kors ta’ mediċini “Regeneron” u qal lill-udjenza tiegħu li qiegħed jimxi mal-protokoll “Zelenko”, taħlita ta’ mediċini li oriġinarjament mhumiex użati biex ifejqu l-Covid-19. Prager qiegħed jieħu wkoll il-mediċina mhux approvata ta’ “Ivermectin” li hija wżata fl-annimali u l-bnedmin biex jikkuraw infezzjonijiet ikkawżati minn ħniex u ċerti kundizzjonijiet tal-ġilda.

Filwaqt li kemm il-preżentatur, kif ukoll martu, tilfu s-sens tat-togħma, Prager sostna li t-teħid ta’ mediċini jeħtieġ dixxiplina u edukazzjoni. “Mhux kulħadd għandu ċ-ċans jew l-interess li jitgħallem dak li għandu bżonn dwar x’għandu jieħu ta’ kuljum. Jiena naħseb li kull individwu għandu janalizza l-benefiċċji u l-ispejjeż involuti kemm tal-mediċini, kif ukoll tat-tilqim. Jien ma ħassejtnix komdu nieħu tilqima fi stadju esperimentali li ntużat fuq il-bniedem qabel ma sar studju estensiv fuq tul ta’ żmien. Din it-tip ta’ informazzjoni għad fadlilha s-snin biex toħroġ,” spjega Prager.

Il-mediċina “Regeneron” għadha fi stadji ta’ esperimentazzjoni u l-Federazzjoni Amerikana tal-Mediċini (FDA) approvatha biss għall-użu ta’ emerġenza. Imma, għadd ta’ persuni xettiċi fosthom il-podcaster komiku Joe Rogan, l-eks Sindku ta’ New York Rudy Giuliani u l-gvernatur ta’ Texas Allen West, għażlu dan it-tip ta’ trattament u ma ħadux it-tilqima ta’ kontra l-Covid-19.  Din it-taħlita ta’ mediċini “alternattivi” tiswa madwar €1,800 mentri t-tilqim huwa ferm inqas (€17).

Id-“Daily Beast” kien irrapporta li Prager għal żmien twil wassal informazzjoni żbaljata dwar l-effetti tal-Covid-19 fejn kien jisħaq li l-virus mhuwiex perikoluż aktar minn dak tal-influwenza staġjonali. Huwa kien anke pprova jnaqqas is-serjetà tar-riskju ta’ kanċer mit-tipjip ta’ sigarri,  vizzju li għandu minn mindu kien adoloxxenti. 

Prager kien iddikjara li l-Covid-19 “ma joqtolx” u sostna li kien jaċċetta li jkun hemm lockdowns jekk in-numru tal-mejtin fl-Istati Uniti jilħaq it-30,000. F’dan il-pajjiż dan l-ammont mhux talli laħaq it-30,000, talli huwa stmat li s’issa madwar tliet kwarti ta’ miljun persuna (724,000) mietu bil-Covid-19.

L-udjenza ta’ Prager hija kbira mmens. Ix-xandir fuq YouTube waħdu għandu aktar minn 2.4 miljun segwaċi u ħadd ma jaf kemm minnhom jemmnu dak kollu li jgħid dan il-preżentatur. 

Tobba u riċerkaturi fil-kamp mediku, però, qegħdin jissuġerixxu lill-pubbliku biex jagħmlu l-oppost fejn jidħlu t-trattamenti li qiegħed jieħu Prager. Barra minnhekk l-esperti qegħdin jisħqu fl-importanza li ma jikkupjawhx u joħorġu barra biex jinfettaw lilhom infushom apposta bil-virus perikoluż tal-Covid-19.

Ekonomija

Sport