Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ġie ppreżentat bil-ktieb ‘L-Esperjenza tat-Tagħlim’. L-awtur, Dr Terence Portelli, hu senior lecturer fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta, bi speċjalizzazzjoni fuq it-tagħlim tal-Malti.
Il-Ministru Bonnici qal li, “Aktar minn qatt qabel, l-għalliema għandhom bżonn idea ċara tal-arti u tax-xjenza tat-tagħlim f’kuntesti edukattivi varji. Dan il-ktieb ġdid jagħti ħarsa strutturata u dettaljata lejn l-istadji ewlenin taċ-ċiklu tat-tagħlim: it-tħejjija, it-twettiq u t-tgħarbil ta’ din l-esperjenza kumplessa. L-idea wara dan il-ktieb hi li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tkun waħda pożittiva skont kemm l-għalliema jagħrfu jinsġu flimkien komponenti differenti taċ-ċiklu tat-tagħlim tul il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti tagħhom.”
Il-ktieb huwa maqsum fi tmien taqsimiet ewlenin:
L-ewwel taqsima tħares lejn x’nifhmu b’tagħlim. Wara jsir stħarriġ fil-fond tal-identità tal-għalliema, il-kuntest tat-tagħlim, u l-istudenti fil-klassi. L-għalliema jridu jfasslu jew jimmedjaw programm tat-tagħlim – kurrikulu, qafas ta’ kisbiet, sillabu – li jilħaq abbiltajiet differenti, kompetenza essenzjali li hi mfissra fit-tielet taqsima.
Ir-raba’ u l-ħames taqsima jagħtu ħarsa lejn dawk l-elementi ta’ suċċess f’lezzjonijiet differenti, fosthom riżorsi tradizzjonali bħall-ktieb tal-iskola u dawk aktar kontemporanji li jixorbu l-aktar mit-teknoloġija.
Is-sitt taqsima tħares lejn l-okkażjonijiet ta’ darba kultant jew ftit aktar bħalma huma ħarġiet ma’ tal-iskola, il-kunċert tal-iskola, l-ewwel u l-aħħar lezzjoni, it-tiswir ta’ wirja u l-magażin tal-klassi.
It-tagħlim għandu bżonn bilanċ bejn istanzi ta’ evalwar u dawk ta’ assessjar, esperjenzi mfissra b’għadd ta’ eżempji fis-seba’ taqsima ta’ dan il-ktieb.
Fl-aħħar, l-istudenti-għalliema u l-għalliema jsibu għadd ta’ għodod biex jgħarblu l-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom.
Kull kapitlu qasir f’dan il-ktieb, 72 kapitlu b’kollox, jiffoka l-attenzjoni fuq qasam dejjaq tal-esperjenza tat-tagħlim billi jippreżenta u jfisser b’mod sempliċi t-termini ewlenin, jesplora l-argumenti u l-perspettivi differenti u jipproponi għadd ta’ possibbiltajiet pedagoġiċi mnejn l-għalliema jistgħu jagħżlu.
It-tabelli, il-formoli u ċ-ċekkjaturi f’dan il-ktieb tfasslu biex jiggwidaw il-ħsieb kritiku u kreattiv tal-għalliema fi stadji differenti tal-iżvilupp professjonali tagħhom, minn dak bikri sa wieħed mogħni bl-esperjenza.
Għall-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb lill-Ministru Owen Bonnici kien hemm ukoll il-pubblikaturi David Bezzina u MaryAnn Vella f’isem Horizons.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mingħand il-ħwienet ewlenin tal-kotba.