Il-Fakultà tal-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ICT) fl-Università ta’ Malta ppubblikat ktieb bit-tema ‘Edukazzjoni, Riċerka u Kollaborazzjoni’ għal din is-sena. L-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi proġetti klassifikati taħt bosta oqsma fl-ICT fosthom it-teknoloġija tad-diskors u l-lingwa, il-blockchain u fintech, id-data xjentifika, is-saħħa diġitali, l-internet u l-inġinerija ta’ softwares u applikazzjonijiet.
Il-pubblikazzjoni tenfasizza dwar l-importanza ta’ aktar interess lejn suġġetti STEM fosthom il-matematika, l-inġinerija, it-teknoloġija u x-xjenza, li flimkien joħolqu opportunitajiet ġodda li fihom l-ICT jitqies bħala għodda essenzjali waqt il-proċess ta’ riċerka. Minbarra dan, permezz tal-ICT jistgħu jiġu żviluppati metodi ġodda li jistgħu jintużaw waqt ir-riċerka. Dan kollu jwassal biex ix-xogħol ta’ riċerka jkun aktar organizzat, preċiż, konsistenti u t-tul tal-proċess għar-riżultat finali jiqsar.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza tal-ICT fir-riċerka u l-iżvilupp għaliex hi għodda biex tassisti lir-riċerkaturi f’xogħolhom billi jkollhom aktar aċċessibbiltà ta’ informazzjoni u ta’ statistika kif ukoll isservi bħala mezz biex ir-riċerkaturi jaqsmu xogħolhom ma’ riċerkaturi oħra. “Nifhem li hemm bżonn li nkomplu nsaħħu l-involviment tas-suġġetti STEM fost l-istudenti tagħna biex ngħallmu lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jiksbu l-ħiliet tagħhom fil-ħsieb kritiku li jwassalhom f’passjoni fil-qasam tal-innovazzjoni, li finalment tirrifletti fuq it-tkabbir ekonomiku tagħna”, qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Id-dekan tal-Fakultà tal-Informazzjoni, il-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija fl-Università ta’ Malta qal, “L-għan tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sena hu li turi l-għażla wiesgħa ta’ oqsma ta’ studji fi ħdan il-fakultà u tesponi x-xogħol imprezzabbli tal-istudenti tagħna, u għalhekk inħeġġeġ lin-nies biex jaqraw din il-pubblikazzjoni ħalli anke jiġu ispirati”.
L-editur u l-koordinatur tal-pubblikazzjoni Conrad Attard żied, “Din is-sena ddeċidejt li niffoka l-pubblikazzjoni fuq l-importanza tal-edukazzjoni u l-komunikazzjoni tas-suġġetti STEM għaliex dawn huma ċ-ċavetta f’kull qasam li nesperjenzaw tul ħajjitna.”
Il-pubblikazzjoni ta’ din is-sena tinkludi wkoll għażla ta’ xogħlijiet ta’ riċerka minn studenti gradwati. Dawn huma xhieda tal-ħidma professjonali li titwettaq fi ħdan il-fakultà fl-Università ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar il-pubblikazzjoni tista’ żżur https://ictprojects.mt/.