Malta għandha l-inqas prezzijiet tal-elettriku għal konsumaturi domestiċi fl-Unjoni Ewropea, meta dawn jiġu espressi f’termini tal-purchasing power standards(PPS). Dan skont ċifri uffiċjali għall-aħħar nofs tas-sena 2024.
L-użu tal-PPS jagħti stampa aktar preċiża tal-piż finanzjarju li għandhom il-prezzijiet fuq il-familji, għax iqis id-differenzi fl-ispejjeż tal-għajxien f’kull pajjiż. Filwaqt li Malta għandha t-tielet l-irħas prezz tal-elettriku għal konsumaturi domestiċi fl-UE b’€0.131 għal kull unit, meta wieħed japplika l-PPS, metodu ta’ kif wieħed iqabbel spejjeż bejn pajjiż u ieħor abbażi tal-għoli tal-ħajja, il-piż fuq il-familji Maltin ikun l-inqas wieħed mill-pajjiżi kollha tal-UE, b’14.33 PPS għal kull 100kWh.
Dan f’kuntrast ma’ pajjiżi bħaċ-Ċekja (41.00 PPS), Ċipru (35.70 PPS), u l-Ġermanja (35.23 PPS).
“Dan huwa konferma ċara li l-politika tagħna qed taħdem għall-ġid tan-nies. Il-poplu dejjem jiġi l-ewwel, u l-investiment tagħna fis-settur tal-enerġija, fl-effiċjenza u f’sistemi stabbli, qed iwassal għal riżultati konkreti. Il-familji Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom stabbiltà u affordabbiltà, u bħala Gvern se nibqgħu naħdmu għal dan,” qalet il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli.
Ċifri rrappurtati mill-Eurostat jikkonfermaw wkoll li filwaqt li meta kkumparat mal-prezzijiet fl-2020 f’diversi pajjiżi tal-UE kien hemm żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-elettriku, f’Malta dawn baqgħu stabbli.