Il-Ħadd 16 ta’ Marzu, priġunier mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura wara li żviluppa xi sintomi. Sintomi li fit-18 ta’ Marzu ġew ikkonfermati bħala Tuberkolożi. Fi stqarrija maħruġa mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ntqal li meta daħal fil-faċilità dan il-priġunier kienu sarulu t-testijiet mediċi kollha mitluba u fuq il-pariri tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-persuni f’Malta huma mlaqqma kontra t-Tuberkolożi, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ħadet u qiegħda tieħu l-prekawzjonijiet kollha.
Fil-fatt, sar il-contact tracing ta’ tliet ġimgħat u saru testijiet mediċi lil 82 persuna, kemm lil dawk li qegħdin jiskontaw sentenza u lill-ħaddiema, li kollha rriżultaw fin-negattiv.Il-prijorità tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi hija s-saħħa tal-uffiċjali u tal-persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u ser tkompli twettaq il-ħidma kollha neċessarja b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u l-professjonisti.