Thursday, April 24, 2025

Priġunier jammetti li weġġa’ gravi priġunier ieħor

Aqra wkoll

Zakaria Abidat ta’ 36 sena mill-Alġerija ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kien hedded u aggredixxa priġunier ieħor waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Waqt dan l-inċident il-vittma sofra ġrieħi gravi.

L-Ispettur Kurt Farrugia li mexxa l-Prosekuzzjoni qal fil-Qorti li Abidat kien fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu f’Diviżjoni 1 meta aggredixxa lill-priġunier sieħbu Ivan Galea hekk kif dan ħareġ miċ-ċella tal-ħabs tiegħu.

L-akkużat ammetta kollox waqt li kien qiegħed jiġi mitkellem mill-pulizija u qal li dan il-każ seħħ wara li Galea beda jinsulentah u anke beżaqlu. Il-Prosekuzzjoni qalet li Galea wkoll se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti akkużat b’dan il-każ.

L-Avukat Brandon Bonnici mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenrali qal li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija u fl-istqarrija tiegħu ammetta r-reati. 

Min-naħa tagħha l-avukat tal-għajnuna legali Yanica Barbara Sant argumentat li l-klijent tagħha kien ipprovokat u sfortunatament ma setax jikkontrolla lilu nnifsu.

Is-sentenza se tingħata nhar it-Tlieta li ġej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport