Ħames xhur wara li ħarab minn ħabs fi New Orleans flimkien ma’ disa’ priġunieri oħra, l-aħħar maħrub fost dawn il-priġunieri inqabad nhar l-Erbgħa li għadda, ikkonfermat il-Pulizija tal-Istat ta’ Louisiana. Il-priġunier maħrub, Derrick Groves ta’ 28 sena, ittieħed taħt kustodja f’Atlanta, Georgia, wara konfront qasir mal-pulizija.
L-10 priġunieri, inkluż Groves, kienu ħarbu miċ-Ċntru tal-Ġstizzja ta’ Orleans f’Mejju billi qalgħu toilet mill-ħajt u kissru l-vireg tal-metall madwar it-toqba fil-ħajt qabel ma xxabbtu għal ġo kuritur u wara ġrew lejn l-awtostrada.
Qabel ħarbu, il-ħabsin kitbu messaġġi mal-ħajt ‘il fuq mit-toqba tal-ħarba, inkluż “To Easy LoL”, u pinġew wiċċ jitbissem b’ilsienu barra, u ieħor li deher li jgħid lill-uffiċjali tal-ħabs biex jaqbduhom jekk jistgħu.
Il-ħarba tal-ħabsin saret aktar faċli ħaġun ta “tempesta qalila” ta’ kwistjonijiet bejn l-istaff u difetti fid-disinn tal-bini. Tlieta nstabu fi żmien 24 siegħa mill-ħarba tagħhom u diversi oħrajn inqabdu fil-ġimgħat ta’ wara.
Id-Deputat Marixxall tal-Istati Uniti Brian Fair, mid-Distrett tal-Lvant ta’ Louisiana, qal lil CBS News li informazzjoni anonima wasslet lill-investigaturi biex isegwu lil Groves fiż-żona ta’ Atlanta. Il-pulizija għamlet tfittxija f’dar fejn kien maħsub li kien qed jinħeba Groves, u sabitu moħbi fi spazju żgħir, irrapporta CBS News.
Groves kien instab ħati ta’ qtil tat-tieni grad f’Ottubru 2024 wara li spara xkubetta ta’ assalt f’festa fil-Mardi Gras, u qatel żewġ adulti.
Huwa nstab ħati wkoll ta’ attentat ta’ qtil u akkuża federali ta’ armi tan-nar, u kien ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs, skont ma qal id-Dipartiment tal-Pulizija ta’ Atlanta.
Issa, Groves qed jiffaċċja akkużi addizzjonali għar-rwol tiegħu fil-ħarba, li skont l-Avukat Ġenerali ta’ Louisiana Liz Murrill se tiżgura li jiġi pproċessat sal-punt sħiħ tal-liġi.