Saturday, December 28, 2024

Priġunieri jesprimu x-xewqa li jżurhom il-Papa waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna

Aqra wkoll

Ittra li għandu f’idejh dan is-sit turi li l-priġunieri kienu esprimew ix-xewqa li jżurhom il-Papa Franġisku waqt iż-żjara tiegħu f’pajjiżna.

Din l-ittra ntbagħtet lis-Santa Sede fil-11 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra u ġiet iffirmata miċ-Chief Operations Officer tad-Diviżjoni tas-Servizzi Korrettivi Randolph Spiteri u l-Kappillan tal-Faċilità Fr Hayden Williams.

Din ix-xewqa ġiet espressa wara żjara li kien għamel fil-Faċilità Korrettiva l-Isqof Emeritu ta’ Għawdex u issa Kardinal Mario Grech, liema żjara ġiet deskritta bħala mument ta’ ċelebrazzjoni għalihom.

Fl-ittra ntqal li matul l-episkopat tiegħu f’Għawdex, Mons Grech, fuq inizjattiva tiegħu stess, stabbilixxa rabta kbira mal-priġunieri speċjalment meta stieden rappreżentanza ta’ uffiċjali tal-ħabs u priġunieri ġewwa s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu ġewwa Għawdex.

Intqal ukoll li l-preżenża ta’ Mons Grech fosthom, issa bħala kardinal, hija wkoll opportunità biex tqarribhom lejn il-Papa.

L-ittra tkompli tgħid: “Tkun tassew okkażjoni ta’ ferħ għall-uffiċjali tal-ħabs u l-priġunieri jekk meta tiġi Malta tagħmel żjara, anke jekk tkun waħda qasira, ġewwa l-Faċilità Korrettiva. Nafu sewwa li inti bniedem impenjat imma fl-istess waqt ninsabu ċerti li ż-żjara tiegħek fostna tagħmlilna l-ġid għax tiġġenera fina t-tama li m’aħniex minsijin u li aħna maħbubin mill-Mulej u l-knisja tiegħu.”

Il-Papa Franġisku kellu jżur Malta f’Mejju tal-2020, iżda din kellha tiġi posposta minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Minkejja li kien hemm rapporti fuq il-mezzi tax-xandir li qalu l-Papa se jżur Malta lejn l-aħħar ta’ din is-sena, id-data għadha mhix deċiża.

Il-Papa Franġisku ħabbar li l-ewwel fil-programm taż-żjarat tiegħu fl-Ewropa hemm is-Slovakkja mbagħad Ċipru, il-Greċja u Malta.

Il-priġunieri diġà żaru s-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu darbtejn, bl-aħħar darba tkun fit-2 ta’ Awwissu. Waqt quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju ta’ Pinu, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Theuma qal li jħossu kburi li kien qed jilqa’ lil priġunieri f’din l-okkażjoni. 

Waqt l-Omelija, l-Isqof Theuma ta ċ-Ċurkett Episkopali tiegħu lill-priġunieri biex dan jitpoġġa fil-Kappella tal-Faċilità Korrettiva. Dan is-simbolu juri r-rabta li hemm bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Aġenzija u l-priġunieri. 

Huwa rringrazzja lit-tmexxija tal-Aġenzija li laqgħu l-istedina tiegħu filwaqt li estenda din l-istedina biex il-pellegrinaġġ jibda’ jsir kull sena.

Għal din l-okkażjoni, il-Kardinal Mario Grech ġie Malta minn Ruma biex ikun preżenti biex jitkellem mal-uffiċċjali korrettivi kif ukoll mal-priġunieri. 

Kien tħabbar li l-għamara kollha li hemm bżonn għad-dar tal-irtiri u li qed tinbena taħt iz-zuntier tal-istess Santwarju, ser tinħadem mill-priġunieri. B’hekk id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tagħti s-sostenn tagħha lejn il-Prison Industry li bdiet titħaddem mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi sa mis-sena 2019.

Ekonomija

Sport