Għexieren ta’ priġunieri politiċi nħelsu mill-ħabsijiet fil-Belarus bħala parti minn ftehim bejn il-mexxej awtoritarju Alexander Lukashenko u l-President tal-Istati Uniti Donald Trump. B’kollox inħelsu tnejn u ħamsin priġunier inklużi mexxejja tat-trade unions, ġurnalisti u attivisti, iżda aktar minn 1,000 priġunier politiku għadhom il-ħabs.
Il-ħelsien tal-priġunieri sar lejlet eżerċizzji militari konġunti li involvew il-Belarus u r-Russja, u wara li l-Polonja sejħet bħala “intrużjoni” bla preċedent ta’ drones Russi fl-ispazju tal-ajru tagħha. Il-Polonja għalqet il-fruntieri tagħha mal-Belarus minħabba l-eżerċizzji Zapad-2025, li se jibqgħu għaddejjin sa nhar it-Tlieta. Il-Latvja għalqet ukoll parti mill-ispazju tal-ajru tagħha.
Il-ministeru tal-affarijiet barranin tar-Russja kkundanna t-tmexxija tal-Polonja għall-“passi konfrontazzjonali” tagħha bl-għeluq tal-fruntiera. Sadanittant, il-kap tal-Politika barranija tal-Unjoni Ewropea, Kaja Kallas, ġiet ikkwotata tgħid li “Putin qed jiżżuffjetta bl-isforzi” tal-Punent biex jittratta miegħu.
Lukashenko, li għandu 71 sena u mexxa l-Belarus mill-1994, billi kkanċella kull oppożizzjoni, iddeskriva r-rilaxx tal-priġunieri bħala ġest umanitarju.
Ħafna mill-priġunieri politiċi tal-Belarus ilhom il-ħabs minn meta Lukashenko brutalment rażżan il-protesti fil-Belarus fl-2020, wara li sostna r-rebħa fl-elezzjonijiet presidenzjali li ġew ikkundannati b’mod wiesa’ bħala manipulat.
It-52 priġunier li ngħataw maħfra nhar il-Ħamis jingħaqdu ma’ 314 oħra li nħelsu minn Lulju 2023 f’attentat biex tittaffa r-relazzjoni tal-Belarus mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
14-il priġunier ieħor ingħataw maħfra u nħelsu f’Ġnju waqt iż-żjara ta’ mibgħut speċjali tal-Istati Uniti, inkluż Sergei Tikhanovsky, ir-raġel tal-mexxejja tal-oppożizzjoni eżiljata tal-Belarus Svetlana Tikhanovskaya. Tlettax oħra ġew rilaxxati u mġiegħla jitilqu fl-eżilju.