Sunday, December 22, 2024

PRIJORITÀ LILL-EDUKAZZJONI U LIS-SAĦĦA

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar amministrazzonijiet immexxija minn Gvern Laburista, is-settur edukattiv ra investiment kbir u titjib fejn issaħħet l-edukazzjoni ta’ wliedna li huma l-ġenerazzjonijiet futuri. Hawn rajna investiment massiċċ kemm fir-riżorsi umani bħala edukaturi bl-akbar ftehim settorjali fl-istorja, investiment fl-infrastruttura bil-ftuħ ta’ diversi skejjel state of the art flimkien ma’ manutenzjoni kontinwa ta’ skejjel oħra, kif ukoll żieda fl-istipendji, skemi u inċentivi varji biex l-istudenti jkomplu l-vjaġġ edukattiv tagħhom sa livell terzjarju. Din il-ħidma hija xhieda ta’ kemm l-edukazzjoni f’pajjiżna hija ta’ prijorità.

Imma, hekk kif rajna fil-Budget 2025, Gvern Laburista issa se jmur pass oltre li bih se jkun qiegħed jagħti wkoll prijorità lil saħħet iż-żgħażagħ tagħna. Dan għamlu b’waħda mill-miżuri mħabbra li qiegħda tirriżulta fost l-aktar fuq fomm iż-żgħażagħ tagħna. Fil-fatt, mis-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qiegħed iħallas l-ewwel sitt xhur sħubija ma’ gym għal dawk li twieldu fl-2005, 2006 u 2007. Din il-miżura, li hija l-ewwel tax-xorta tagħha, turi kif Gvern Laburista mhux biss jagħti prijorità lill-edukazzjoni ta’ wliedna imma wkoll lis-saħħa fiżika tagħhom.

Iż-żgħażagħ li se tmisshom ix-xorti li jikkwalifikaw għal din il-miżura issa se jkunu inċentivati għal ħajja u abitudnijiet aktar sani. Din il-miżura għandha diversi aspetti pożittivi. Dan għax l-attività fiżika tgħin ħafna biex lil dak li jkun iżomm ’il bogħod minn vizzji bħalma huma d-droga u/jew konsum esaġerat ta’ alkoħol. Iżda mhux biss. Eżerċizzju fiżiku jċaqlaq liż-żgħażagħ tagħna minn fuq it-teknoloġija li tant qiegħda tirkibhom u tagħmlilhom ħsara. B’kuntrast, b’attività fiżika bħalma hija sħubija f’gym, iż-żgħażagħ se jissaħħu fiżikament bl-eżerċizzju u anke jissoċjalizzaw aktar. 

Fis-settur tal-isports rajna investimenti kbar u inċentivi biex it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u saħansitra l-anzjani jagħmlu xi forma ta’ attività fiżika. Hawn insemmu SkolaSports għat-tfal, open gyms f’diversi żoni kif ukoll attivitajiet sportivi bħal yoga u volleyball għall-adulti f’uħud mill-Kunsilli Lokali u finalment insemmu l-programmi apposta għal anzjanità attiva. Dawn kollha huma bla ħlas. 

Nemmnu li l-investiment tal-futur għandu jkun aktar ta’ din ix-xorta u li din il-miżura tal-gym tista’ tkun mifruxa fuq faxex ta’ etajiet oħra. Dan għax il-ħarsien tas-saħħa fiżika huwa vitali. Ma ninsewx li fost il-pajjiżi fl-Ewropa, Malta għandha l-ogħla rata ta’ obeżità fejn fl-irġiel hija ta’ 68% u  fin-nisa din hija ta’ 49.1%, it-tielet l-ogħla rata. Mentri, 35% tal-adoloxxenti Maltin, ta’ 13-il sena, għandhom piż żejjed jew huma obeżi. Din ir-rata hija 10% ogħla minn tal-pajjiżi Ewropej oħra. Hawn naraw kemm il-problema tal-obeżità fost il-poplu Malti hija waħda reali u l-attività fiżika hija kruċjali biex inbiddlu l-abitudnijiet ħżiena li tant huma ta’ detriment għal saħħitna. 

Saħħa fiżika u mentali flimkien ma’ edukazzjoni soda huma formola rebbieħa għal ġenerazzjonijiet promettenti. Ġenerazzjonijiet b’saħħithom li joffru garanzija ta’ futur prosperuż għal pajjiżna. Finalment, huwa importanti li nifhmu l-importanza li nħarsu saħħitna kif fehem il-Gvern b’miżuri u inċentivi li qiegħed jagħmel biex iħares saħħet il-poplu. L-attività fiżika għandha tingħata prijorità mhux biss mill-Gvern imma minn kull wieħed u waħda minna b’mod individwali għal futur kollettiv aħjar.

Ekonomija

Sport