Tuesday, December 2, 2025

PRIJORITÀ MILL-GVERN LIL SITWAZZJONIJIET SENSITTIVI 

Aqra wkoll

Sfortunatament f’pajjiżna, bosta nies għadhom joqogħdu lura milli jitkellmu dwar sitwazzjonijiet sensittivi li jkunu għaddejjin minnhom. Dan x’aktarx minħabba n-natura personali u emozzjonali li jduru madwar dawn l-istess sitwazzjonijiet. Waħda minn dawn huwa t-telfien ta’ tqala li tħalli warajha mhux biss konsegwenzi emozzjonali imma anke psikoloġiċi.

Għal ħafna koppji, speċjalment dawk żgħar fl-età u dak li jkun ilhom jippruvaw ikollhom tarbija, it-telfien ta’ tqala ssir ħolma kerha li tibqa’ mċappsa fl-imħuħ għal snin sħaħ jekk mhux għall-għomor. Huwa kollu minnu li tmiem ta’ tqala, speċjalment meta tkun l-ewwel waħda, ħafna drabi tħalli effetti bla preċedent fuq il-persuna, jew fuq il-koppja.

Proprju ftit tal-jiem ilu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar pakkett ta’ miżuri soċjali intiżi li jkunu ta’ sostenn għall-koppji partikolarment għal ġenituri prospettivi li jgħaddu minn korriment tat-tqala u għal ġenituri jitilfu wild minuri. 

Il-miżuri mħabbra mill-Gvern jinkludu partikularment l-introduzzjoni tal-leave għal korriment (Miscarriage Leave), li huwa intiż sabiex jagħti sostenn lill-koppji li jkunu għaddew minn korriment tat-tqala tagħhom. Bl-introduzzjoni ta’ din il-liġi, mill-1 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, nisa li jkorru u kif ukoll il-partner tagħhom, se jibbenefikaw minn sebat ijiem leave tax-xogħol mingħajr telf ta’ paga, li se jkun qed jagħmel tajjeb għalih il-Gvern.

Minbarra dan kollu, ma nistgħux ma nsemmux għajnuna oħra li se tkun offruta. F’dan il-każ, grazzi għall-ħidma anki mal-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, dawn il-koppji se jkunu qed jingħataw appoġġ psikoloġiku, mingħajr ħlas, provdut minn Positive Parenting Malta.

M’għandniex dubju li kulħadd jaqbel ma’ miżuri bħal dawn li għandhom effett dirett fuq il-benesseri tal-ġenituri fl-aktar mumenti sensittivi ta’ ħajjithom. Ma nistgħux lanqas inħallu barra bla ma nirrikonoxxu kwalunkwe għajnuna oħra lil min jiġi bżonna, kemm finanzjarja u anke psikoloġika.

Huwa kollu minnu li l-ebda għajnuna, sew finanzjarja jew psikoloġika ma ġġib lura tqala mitlufa, iżda huwa minnu wkoll li l-għajnuna f’waqtha, hi ta’ liema forma hi, żgur tgħin biex ittaffi ħafna mit-trawma u l-uġigħ emozzjonali li persuna jew persuni jkunu għaddejjin minnhom.

Għalhekk il-miżuri mħabbra f’dan ir-rigward jikkonfermaw ukoll kemm il-Gvern qed jisma’ l-karbiet ta’ diversi fis-soċjetà tagħna li jkunu għaddejjin minn diffikultajie fil-ħajja tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport