Tuesday, December 24, 2024

PRIJORITAJIET ĠUSTI

Aqra wkoll

Pajjiż jevolvi u jibqa’ jikber ekonomikament u anki soċjalment kemm il-darba jagħraf il-prijoritajiet tal-mument. Jekk ma jweġibx għalihom billi jkun ambizzjuż, allura jistaġna fl-istatus quo. Dan rajnih b’mod ċar taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista fejn il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien iktar mhedi kif se jikkalibra għal kunflitt intern li donnu baqa’ ma waqaf qatt f’dik li llum hi fl-Oppożizzjoni milli fid-direzzjoni ekonomika li ngħidu x’ngħidu, hija fattur importanti tal-qagħda tan-nies u l-pajjiż.

Illum nitkellmu fuq tkabbir ekonomiku iżda nħarsu wkoll li dan jinkiseb fi żmien ta’ prijoritajiet ġodda fosthom l-ambjent u l-qalba diġitali. Dawn huma prijoritajiet ġusti li l-pajjiż għandu jħares lejhom. In-negozji jistgħu jimirħu, aktar start-ups jistgħu jitwieldu, l-investiment jista’ jitkattar imma dan isir fi sfond ta’ prijoritajiet ġusti.

Lil hinn mit-twaqqif ta’ aġenzija bl-isem ta’ Project Green, il-pajjiż għandu sinjal ċar min qed imexxi l-akbar investiment ambjentali fl-istorja. L-ewwel riżultati diġà bdejna narawhom din il-ġimgħa stess, b’inizjattiva ta’ għotjiet biex il-komunitajiet f’Malta u Għawdex jingħataw l-opportunità li jħaddru spazji fil-lokalitajiet tagħhom, b’investiment totali ta’ €10 miljun. Pajjiżna dejjem kellu riżorsa importanti, dik umana u iktar milli ċifri, dan l-investiment ambjentali għandu jagħti wiċċ ġdid u iżjed sabiħ lil Malta u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji, li wara kollox huma wkoll ħaddiema u jikkontribwixxu fl-ekonomija.

Dawn is-sinjali dwar direzzjoni aktar ħadra u sostenibbli fl-operat tal-ekonomija tagħna waslu wkoll fl-istess żmien ta’ tnedija ta’ programm ta’ fondi Ewropej wara li Malta kisbet l-akbar allokazzjoni kontra l-kurrent li kien hemm għax fost l-oħrajn avvanzat ħafna ekonomikament. Dawn huma fondi li wkoll se jkomplu jgħinu biex ikollna iżjed parks u ġonna u biex in-negozji mhux biss jibqgħu kompettittivi iżda jibnu l-infrastruttura neċċessarja li tilqa’ għall-prijoritajiet ġusti elenkati. Id f’id ma’ dan irid ikompli jsir l-investiment fl-edukazzjoni fosthom dik vokazzjonali biex insaħħu l-ħiliet fis-settur tax-xogħol. Dan kollu jista’ joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità bi dħul aħjar li jkompli jgħolli l-livell tal-għajxien.

Nifhmu li l-ekonomija trid tikber biex ikompli jinħoloq il-ġid. Il-ħolqien tal-ġid u t-tqassim tiegħu fost kulħadd jibqa’ parti fundamentali fis-suċċess ta’ pajjiż. Dik hi l-ġustizzja soċjali. Toħloq il-ġid fost kulħadd u twieżen lil min għandu l-aktar bżonn. Nemmnu li dan qed jiġri f’pajjiżna fosthom b’aktar żidiet; lill-pensjonati, lill-familji fiċ-children’s allowance, bit-twessigħ tal-in-work benefit u aktar għajnuna lill-first-time buyers. Dawn huma possibbli għax pajjiżna jiflaħ, għax Malta għandha ekonomija b’saħħitha u allura rridu nifhmu li r-rota ekonomika hija importanti li ddur iżda iva, nifhmu wkoll li din trid iddur f’konformità mal-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż.

Tul iż-żmien, fi kważi sittin sena ta’ storja ta’ pajjiż indipendenti, Malta dejjem kellha prijoritajiet differenti. Minn ekonomija dipendenti fuq kemm jonfoq militarment il-ħakkiem Ingliż għal waħda li bdiet tiżviluppa fil-manifattura u tisfrutta l-potenzjal li kellna fit-turiżmu. Fi żminijiet aktar riċenti, wara kriżi li ma toqgħodx fejn suba’ ż-żgħir tal-pandemija iżda li xorta tefgħet lil Malta fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv, kien hemm bżonn stimulu ekonomiku u aktar investiment. Illum hawn għatx għall-prijorità ambjentali. In-negozji ħerqana għall-bidliet diġitali u allura din it-tranżizzjoni ekonomika hija pass għaqli għal-lum u għada.

Ekonomija

Sport