Primark ħabbar ilbieraħ li mhux se jkun qed jieħu vantaġġ mill-iskema mħabbra mill-Gvern Ingliż biex iħallas sidien tan-negozju talli jerġgħu jaċċettaw lura l-ħaddiema wara l-assenza tagħhom minħabba l-COVID-19.
Dan in-negozju tal-ħwejjeġ għalaq il-bibien tiegħu f’Marzu meta l-pandemija tal-COVID-19 infirxet fl-Ewropa. Dan il-pass swieh £650 miljun f’bejgħ fix-xahar.
Issa li fetħet il-ħwienet mill-ġdid, jidher li hemm mat-30,000 ħaddiem reġgħu lura għax-xogħol. Madankollu, Primak qal li m’għandux l-intenzjoni li jieħu vantaġġ mill-appoġġ li qed jagħti l-Gvern. Kelliema qalet li l-kumpanija neħħiet lill-impjegati minn fuq l-iskemi ta’ għajnuna li qed jingħataw mill-Gvern hekk kif qegħdin jerġgħu jiftħu l-ħwienet fir-Renju Unit u anke madwar l-Ewropa. Spjegat li l-kumpanija ma temmenix li hu neċessarju li tapplika għal din l-iskema fiċ-ċirkostanzi preżenti.