Tuesday, September 24, 2024

Priscilla miżmuma priġuniera minn Elvis

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Films dwar Elvis Presley kellna bil-bosta.  Is-sena l-oħra stess rajna il-film bijografiku “Elvis” bl-attur Austin Butler fil-parti prinċipali.

“Priscilla” hu film ieħor bijografiku imma mill-perspettiva ta’ dik li kienet martu, Priscilla Presley.  Il-film hu msejjes fuq l-awtobijografija tagħha ‘Elvis and Me’ li kien ippubblikat fl-1985.

Id-direttur Sofia Coppola għamlitha ċara mill-bidunett li semmiet il-film “Priscilla” u ebda referenza għal Elvis fl-isem tal-film, għax riedet li l-film jiffoka fuq il-perspettiva ta’ Priscilla.

Irridu niftakru, li qabel mietet bħal daż-żmien sena, binthom Lisa Marie Presley espremiet ruħha li kienet ixxukjata u rrabjata bil-mod kif ġie deskritt missierha Elvis f’dan il-film bijografiku.

Kollox kellu l-bidu tiegħu meta t-tfajla ta’ 14-il sena Priscilla (Cailee Spaeny) kienet mal-ġenituri tagħha fil-Ġermanja tal-Punent għax missierha kien Kaptan stazzjonat mal-armata Amerikana.

Meta Priscilla tkun ġo klabb, wieħed mill-uffiċjali, jismu Terry West (Luke Humphrey, joffri li jlaqqagħha ma’ Elvis Presley li dak iż-żmien kien fl-armata, stazzjonat fl-istess bażi Amerikana.

Il-ġenituri tagħha kienu kontra li binthom tmur għall-party fid-dar ta’ Presley.  Imma Terry West ikkonvinċa lil missierha biex iħalliha tmur.  Priscilla mill-ewwel inġibdet lejn Elvis għax kien ġentili, kariżmatiku u famuż.  Dak iż-żmien, liema tfajla kienet ser tgħid ‘le’ biex tiltaqa’ ma’ Elvis Presley?

Priscilla ma damitx ma marret Graceland, fejn ġiet trattata minn Elvis u l-istaff tiegħu qisha xi oġġett prezzjuż.  Tawha dak kollu li riedet, ħlief ħaġa waħda: li tiddeċiedi għaliha nnifisha. 

Anqas kif tagħmel xagħrha u l-ilbies li tilbes ma setgħet tagħżel hi!  Priscilla kienet maqfula f’dar lussuża, tara lil Elvis jivvjaġġa biex jaħdem il-films u taqra l-gazzetti dwaru u r-relazzjonijiet li kien qed ikollu mal-co-stars nisa fil-films tiegħu.

Priscilla ma felħitx aktar b’dak li qrat u semgħet dwar ir-relazzjoni li Elvis seta’ kellu mal-attriċi Ann-Margret fuq is-sett tal-film, “Viva Las Vegas”.  Elvis ipprova jispjegalha li kienu kollha xnigħat li jgħinu l-film ikollu suċċess.

L-attriċi Cailee Spaeny tagħti nterpritazzjoni tajba bħala Priscilla.  Anqas impressjonanti hi l-interpritazzjoni tal-attur Awstraljan Jacob Elordi fil-parti ta’ Elvis.  Kważi ma jixbħu xejn lil Elvis, imma hemm xebħ fil-body language u l-vuċi.

B’kuntrast mal-film bijografiku “Elvis” li rajna s-sena l-oħra, “Priscilla” aktar hu ffukat fuq l-element uman ta’ mara li sabet ruħha priġuniera ta’ raġel li d-dinja kienet miġnuna għal warajh. 

Hemm xena fejn Priscilla tgħid lil Elvis li l-kanzunetta favorita tagħha hi ‘Heartbreak Hotel’.  “Priscilla” hu film li jurina kif hi spiċċat tgħix f’lukanda bħal din! “Priscilla” hu klassifikat 15 minħabba imġiba abbużiva u użu ħażin tad-droga.

Anyone But You

Id-direttur Will Gluck li daqs għaxar snin ilu tana films  komiċi tajba bħal “Easy A” b’Emma Stone u “Friends With Benefits” b’Justin Timberlake u Mila Kunis, jerġa’ lura għal dak li jħobb l-aktar bil-film “Anyone But You”.

Iffilmjat kollu f’New South Wales, fl-Awstralja, il-protagonisti huma Sydney Sweeney u Glen Powell.  In-narrattiva tixbah lil waħda mill-plays ta’ William Shakespeare, jiġifieri  ‘Much Ado About Nothing.’  

Sydney Sweeney ħafna jgħarrfuha mis-sensiela televiżiva The White Lotus u filwqt li Glen Powell ħadem diversi films issa l-aktar magħruf huwa għal “Top Gun: Maverick”. 

Bea u Ben ma jitħammlux imma jispiċċaw ikollhom jattendu l-istess tieġ.  Għal diversi raġunijiet, huma jiddeċiedu li jagħtu l-impressjoni li huma koppja.  

Is-soltu kummiedji romantiċi ikunu aktar adattati għal udjenza wiesa’ u mhux limitati għal min għandu 15-il sena jew aktar.  Imma d-direttur Will Gluck xtaq ikun aktar avventuruż fit-tip ta’ kummiedja li juża.

“Anyone But You” hu klassifikat 15 minħabba il-linġwaġġ li jintuża.

Sport