Friday, December 13, 2024

“Probabbli jkun hemm inqas twelid ta’ trabi minħabba l-Covid-19”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żewġ ġinekologi jitkellmu dwar biżgħa fost nisa tqal… wara t-28 ġimgħa kkonsidrati f’riskju għoli

Miktub minn CARMEN CACHIA

Il-perjodu tal-pandemija li ninsabu fih tal-Covid-19 wassal għal ħafna inċertezzi u biżgħa fost il-popli tad-dinja kollha. Malta ma kinitx eċċezzjoni fejn għal dawn l-aħħar xhur, is-suġġett tal-Coronavirus kien, għadu u mistenni jibqa’, fuq fomm kulħadd. L-iskossa u l-perikli tal-virus li oriġina miċ-Ċina, huma reali wkoll għal dawk il-ġenituri li qegħdin jistennew bi ħġarhom il-wasla ta’ tarbija ġdida fil-familja. Inewsmalta tkellmet ma’ żewġ ġinekologi lokali fejn Dr Isabelle Saliba qalet li l-biżgħa mill-Covid-19 probabbilment se twassal biex ikun hemm inqas twelid ta’ trabi imma għadu kmieni wisq biex inkunu nafu, mentri fl-opinjoni ta’ Dr Alberto Vella, il-Covid-19 ma jaffettwax f’dawn l-affarijiet.

Il-ġinekologa Saliba qaltilna li huwa diffiċli ħafna biex wieħed jgħid minn issa jekk se jkunx hemm inqas twelid ta’ trabi minħabba l-Covid-19, imma hija taħseb li probabbilment, iva dan iseħħ minħabba li fil-bidu tal-pandemija n-nies kienu qegħdin joqogħdu ftit attenti. 

“Dan minħabba li ma konniex u għadna ma nafux kompletament, x’inhuma l-effetti tal-Covid-19 fuq it-tqala u dan minkejja li mill-ewwel riżultati miġbura jidher li l-virus ma jaffettwax lit-tarbija. Xorta waħda għadna ma nafux eżatt,” spjegat Dr Saliba. 

Bħala kulleġġ Malti, ħafna drabi, huma jimxu mal-gwidi tar-Renju Unit u fil-mument mit-28 ġimgħa ta’ tqala ‘l quddiem, nisa tqal huma kkonsidrati fil-faxxa ta’ persuni f’riskju għoli. Għalhekk dawn in-nisa jridu joqogħdu attenti ħafna għax jekk jidħlu biex iweldu u jkunu infettati bil-Covid-19, Dr Saliba qalet li huma f’riskju akbar li jiżviluppaw pnewmonja. Ir-riskju imbagħad, jiżdied jekk ikollhom bżonn ċesarja.

Din il-ġinekologa qalet li nisa li għadhom fil-bidu tat-tqala tagħhom u għadhom ma waslux għat-28 ġimgħa, m’humiex ikkonsidrati f’riskju għoli. “Huma kkonsidrati li huma f’riskju żgħir sa moderat bħall-bqija tal-pubbliku inġenerali iżda xorta waħda għadna ma nafux l-effetti kollha tal-Coronavirus u potenzjalment fuq it-trabi, għalkemm dawn tal-aħħar ma jidhrux li qegħdin jiġu affettwati,” kompliet tispjega.

Dr Saliba sostniet li l-biżgħa, hija biżgħa għal dak li ma nafux fuq il-virus fejn għad hemm ħafna mistoqsijiet bla risposta għalihom u għalhekk “kulħadd jibża’”. Din il-biżgħa, Dr Saliba qalet li qiegħda tinħass minn kulħadd u mhux fuq in-nisa tqal biss. Dawk li qegħdin jistennew tarbija, però, jibżgħu b’mod partikolari.

Dan il-ġurnal ikkuntatja wkoll lil Dr Alberto Vella, fejn qalilna fl-opinjoni tiegħu, il-Covid-19 m’affettwax l-ammont ta’ nisa li ħarġu tqal f’dan il-perjodu u li l-Covid-19 ma jaffettwax f’dawn l-affarijiet.

Il-Covid-19 infetta aktar minn 38.5 miljun persuna madwar id-dinja u n-numru tal-vittmi qabeż il-miljun. 

Ekonomija

Sport