Mario Giordmaina ta’ 50 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin wara li ammetta li ġibed ritratt ta’ tifla ta’ 12-il sena f’ħanut f’Ħal Qormi.
Huwa kien mixli li fil-25 ta’ Marzu 2024, issoġġetta lil minuri għal xi att jew imġiba li jkollha konnotazzjonijiet sesswali, inklużi bil-fomm, mossi u jew għemil, bil-wiri jew iċ-ċirkolazzjoni ta’ kliem miktuba, stampi u jew xi materjal ieħor.
Rapport imħejji minn uffiċjal tal-probation wera kif ir-raġel ma kienx jaf lit-tifla u li kien il-vizzju tal-pornografija u problemi fil-familja li ġegħluh jieħu ritratt tagħha.
Psikjatra li eżaminat lir-raġel ikkonkludiet li r-raġel ibati minn diżordni kkaġunata minn stress imma ma wera ebda sinjali kliniċi ta’ pedofelija.
Il-Qorti semgħet ukoll il-fatt li r-raġel kien lest jieħu l-għajnjuna u kien għalhekk li tpoġġa taħt ordni ta’ probation u nħarġet ordni ta’ trattament flimkien ma’ ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur it-tifla.
Fl-istess waqt ordnat li ismu jitpoġġa fir-reġistru ta’ dawk li jinstabu ħatja ta’ reati konnessi ma’ minuri.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi John Spiteri u Doriette Cuschieri.