Friday, November 15, 2024

Probation għal raġel li hedded lill-eks sieħba li jaqtgħalha għonqha

Aqra wkoll

Raġel li kellu xi jgħid mal-eks sieħba tiegħu fir-rigward ta’ proprjetà, allegatament hedded li “jaqtgħalha għonqha” u li “jagħmlilha bħal Bernice”.

Fil-Qorti nstema’ kif it-theddid kien ilu għaddej iżda l-affarijiet eskalaw meta l-Ħamis li għadda rritorna lura d-dar biex jiġbor xi oġġetti personali.
Is-Sibt li għadda, il-mara kienet għamlet rapport mal-pulizija minħabba vjolenza domestika. Intqal li r-raġel allegatament sar aggressiv, beda jkisser u anke hedded li “joqtolha u jaqtgħalha għonqha.”

Quddiem dak ir-rapport, il-pulizija aġixxiet minnufih u nħareġ mandat ta’ arrest kontra s-suspettat.

Meta tressaq il-Qorti, huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu anke wara li ngħata aktar żmien biex jaħsibha. Huwa ammetta li uża vjolenza, inkluża dik morali u psikoloġika, fil-konfront tal-vittma, li insulentaha u heddidha.

L-Avukat Difensur Jason Grima qal li l-argument inqala’ meta l-imputat mar biex jiġbor xi affarijiet u sab il-bibien imsakkra. Iżda l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Audrey Micallef irribattiet li l-bibien ma kinux imsakkra.

L-Ispettur Micallef qalet li l-imputat kellu problema tal-alkoħol u li l-eks sieħba tiegħu kienet akkumpanjatu għand l-Aġenzija Sedqa u anke ħaditu għand psikjatra. Intqal li l-attitudni tar-raġel inbidlet minn meta beda jieħu l-alkoħol.

Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras spjegat lill-akkużat li kien hemm modi oħra ta’ kif tiġi trattata kwalunkwe kwistjoni iżda żgur mhux billi jirrikorri għall-vjolenza.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Maġistrat Galea Sciberras qieset il-fatt li l-imputat kien ikkopera, u minħabba li l-prosekuzzjoni ma nsistietx fuq sentenza ta’ ħabs effettiva, poġġietu taħt probation għal sentejn u nofs.
Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trażżin għall-istess perjodu, bil-Maġistrat twissih sabiex ma jersaqx lejn il-vittma u li bl-ebda mod ma jikkomunika magħha.

Ekonomija

Sport