Friday, February 6, 2026

Probation għal serq u vandaliżmu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla

Aqra wkoll

Marflene Cricchiola ta’ 38 sena ingħata sentenza ta’ probation ta’ tliet snin wara li ammetta diversi akkużi fosthom ta’ serq u ħsara b’rabta ma’ każ li kien seħħ fil-Knisja Parrokkjali u Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla.

Is-serqa kienet saret fl-2017 fejn kienu nsterqu dehbijiet u oġġetti sagri mill-imsemmija knisja, b’valur stmat ta’ madwar €36,000.

L-imputat kien wettaq din is-serqa flimkien ma’ persuna oħra li kienet diġà ngħatat sentenza wara li ammettiet l-akkużi. 

Kien fil-lejn ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Lulju tal-2017 meta l-imputat kien daħal fil-knisja u seraq diversi oġġetti sagri fost affarijiet oħrajn. Hu kien wettaq ukoll diversi ħsarat estensivi lil proprjetà li b’mod volontarju qered jew għamel ħsara lil proprjetà mobbli u immobbli, b’danni li jaqbżu t-€2,500.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-imputat kellu diversi sentenzi oħrajn mill-Qorti u anke fil-passat kien naqas milli josserva kundizzjonijiet imposti fuqu meta kien ingħata  l-libertà proviżorja. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa ġie kklassifikat bħala reċidiv.

Il-Qorti qieset però li l-imputat kien ammetta l-akkużi kollha u fid-dawl ta’ din  l-ammissjoni, ġiet imposta Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ tliet snin.

L-imputat ġie ordnat isegwi ordni ta’ trattament għal sitt xhur, kif determinat mill-Uffiċjal tal-Probation. Barra minn hekk, ġie ordnat il-konfiska ta’ €200 minn depożitu ta’ €1,000 minħabba ksur ta’ kundizzjonijiet preċedenti tal-libertà proviżorja, filwaqt li l-garanzija personali ta’ €6,000 baqgħet fis-seħħ kollha kemm hi.

Il-każ instema’ quddiem mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Adreana Zammit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport