Mara ta’ 50 sena tpoġġiet taħt ordni ta’ probation wara li ammettiet li kienet involviet lil binha ta’ 12-il sena f’serq minn erba’ anzjani fil-Mosta u f’San Pawl il-Baħar.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-inċidenti seħħew bejn Ġunju u Lulju tal-2020 u kienu jinvolvu s-serq ta’ flus kontanti, dost oħrajn. Il-mara ammettiet ukoll li serqet mobile f’April tal-istess sena, li naqset milli tipprovdi l-kura u s-superviżjoni meħtieġa lil binha, kif ukoll li kisret il-kundizzjonijiet imposti fuqha f’żewġ sentenzi preċedenti.
Waqt is-seduta quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-Difiża ġibdu l-attenzjoni għall-bidliet pożittivi u t-titjib sinifikanti li għamlet il-mara minn meta seħħew il-każijiet.
Huma spjegaw ukoll li l-oġġetti u l-flus li kienu nsterqu ġew irritornati lill-vittmi, filwaqt li argumentaw li ma kienx hemm bżonn li tingħata piena ta’ ħabs.
Wara li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-progress li sar mill-mara, il-Qorti poġġiet lill-mara taħt ordni ta’ probation għal tliet snin. Barra minn hekk, imponiet fuqha garanzija personali ta’ €2,000 bil-għan li ma tagħtix fastidju lill-vittmi.
