Mara ta’ 37 senatpoġġiet taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li fil-Qorti ammettiet li ħebbet għall-kunjati waqt argument f’residenza f’Wied il-Għajn, kif ukoll għal erba’ uffiċjali tal-pulizija li kienu marru fuq il-post biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Il-każ seħħ fit-3 ta’ Jannar ta’ din is-sena, bil-mara tkun akkużata wkoll li beżżgħat lil omm ir-raġel li se jiġrilha xi ħaġa, fil-preżenza ta’ binha minuri.
Hija kienet mixlija wkoll li kissret xi għamara mir-residenza tal-kunjati, kitla, sett tat-televiżjoni u li kisret il-paċi pubblika minħabba l-għajjat li ħolqot waqt li kienet fis-sakra. Il-mara kienet akkużata wkoll li bdiet thedded erba’ uffiċċjali tal-Pulizija.
Fil-Qorti ngħad li meta l-Pulizija pprovaw jikkalmaw lill-imputata, din allegatament beżqet lejn uffiċjal minnhom, xeħtet xi żebgħa lejn uffiċjal ieħor u kissret nuċċali tal-vista ta’ uffiċjal ieħor.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, il-mara wieġbet li hija ħatja tal-akkużi kollha miġjuba kontriha. Il-Maġistrat Montebello kkundannat l-aġir tal-mara, speċjalment fil-konfront tal-pulizija, imma rrimarkat li hija refgħet ir-responsabbiltà ta’ għemilha u ripetutament skużat ruħha u wriet sogħba għal dak li għamlet.
Ikkunsidrat ukoll li dan jidher li kien inċident ta’ darba, il-fatt li ma jirriżulta li l-imputata hi persuna aggressiva jew vjolenzi kif ukoll il-fatt li hija tixrobx u x-xorb alkoħoliku ma jaqbilx magħha u li tbati minn problemi psikoloġiċi tant li għamlet żmien rikoverata l-Isptar Monte Carmeli minħabba ansjetà waqt li setgħet kienet hi stess vittma ta’ vjolenza domestika.
Kien għalhekk li l-Qorti, filwaqt li sabitha ħatja tal-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontriha, poġġietha taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-kunjati, obbligatha żżomm il-paċi mal-pulizija u sabiex tħallas €310 lill-uffiċjal tal-Pulizija li kissritlu n-nuċċali.