Raġel ta’ 31 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn wara li ammetta li weġġa’ ħafif lill-eks sieħba tiegħu u kkawżalha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha. Sadanittant, akkużi simili mistennija li jinħarġu kontra l-mara minħabba l-ġrieħi li sofra r-raġel.
Ir-raġel tressaq b’arrest ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti kif it-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika kienet infurmata b’argument li seħħ bejn l-allegata vittma u l-imputat l-Ħadd li għadda. Wara dak l-argument temmew ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
L-argument kien wassal biex il-mara ssofri ġrieħi ta’ natura ħafifa u meta l-Pulizija marret biex tarresta lill-imputat innutaw li kellu wkoll xi ġrieħi u għalhekk ittieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa.
Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, id-Difiża talbet għal probation fid-dawl tal-ammissjoni bikrija tal-imputat, il-fedina penali netta tiegħu u l-fatt li kkopera mal-pulizija.
Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni, il-Qorti sabitu ħati u poġġietu taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Colin Sheldon u Christian Cauchi.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-imputat.