Jide Mallia, żagħżugħ ta’ 20 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin probation wara li nstab ħati li seraq tlett armi tan-nar minn ġewwa razzett f’Birżebbuġa.
Is-serqa seħħet nhar l-20 ta’ Frar tal-2017, b’Mallia jiġi akkużat li huwa daħal ġewwa razzett fil-limiti ta’ Ħal Far, fejn inserqu żewġ snieter, kif ukoll air-rifle. Id-difiża saħqet li dan il-fatt kien għall-kuntrarju ta’ dak li allegat l-ewwel il-prosekuzzjoni, meta seħqet li nsterqu tlett snieter u mhux tnejn.
Minkejja t-talba tad-difiża li l-Qorti għandha tieħu konjizzjoni tal-iżball fid-deskrizzjoni tal-oġġett li nsteraq bħala raġuni biex tiġi dikjarata nulla l-akkuża tal-prosekuzzjoni, il-Qorti tenniet li din minnha nnifisha mhix raġuni sodisfaċenti biex il-proċeduri fil-konfront tal-akkużat jiġu ddikjarati nulli, u l-istess imputat jiġi rrilaxxat mill-Qorti.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello kkunsidrat l-età tenera tal-imputat fiż-żmien li kien kommess ir-reat ta’ serq, u ħadet ukoll in konsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li sarulha mill-Uffiċċjal tal-Probation.
Il-Qorti ċaħdet l-akkuża oriġinali miġjuba mill-prosekuzzjoni, fuq reat ta’ serq aggravat bil-valur, minħabba li hija qatt ma ressqet ebda prova fuq il-valur reali tal-armi misruqin, iżda sabet lill-imputat ħati għar-reat ta’ serq sempliċi, li b’hekk iwassal għal piena inqas.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras. L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Mallia.