Raġel ta’ 27 sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li nstab ħati li weġġa’ ħafif lill-eks sieħba f’argument u li heddidha li se jagħmlilha l-ħsara jew saħansitra joqtolha.
Il-każ seħħ fil-5 ta’ Frar 2021, għall-ħabta tas-7.00 p.m., f’Birżebbuġa. Fil-Qorti, il-vittma qalet li dakinhar hi u l-imputat, dak iż-żmien is-sieħeb tagħha, kellhom argument li eskala u allegatament ħebb għaliha.
Spjegat li hija kellha ċurkett għandu u kif marret għalih, ħaditulu minn idejh u dan ħaseb li se tmissu. Qalet li kien hawn li qam għaliha u allegatament qabad jagħtiha iżda hi bdiet tiddefendi ruħha kif setgħet.
Qalet li sofriet xi ġrieħi fejn l-imputat “ħabbatli rasi mal-art, tani bil-ponn ġo wiċċi, ipprova jitfagħni minn fuq ċint għal isfel u beda jipprova jifgagħni.”
Dwar it-theddid min-naħa tal-imputat, ix-xhud qalet li t-theddid kien li “jiena nista’ niġi noqtlok, naħarqek ħajja, niġi nsib lill-ommok ħierġa mix-xogħol, theddid li jista’ jweġġagħli lill-familja u fost l-oħrajn li jfottili wiċċi.”
Hija spjegat li huma kienu ilhom flimkien għal madwar 10 xhur u f’dak iż-żmien kienu seħħew każi oħra simili però mhux daqstant gravi fejn mhux darba jew tnejn ħafritilu u tatu ċans ieħor.
Sadanittant, f’seduta oħra hija ddikjarat li kienet qiegħda taħfer lill-imputat u tirrinunzja għal dak li huwa rinunzjabbli min-naħa tagħha fil-konfront tiegħu.
F’dawn il-proċeduri xehed ukoll l-imputat, li stqarr li huwa ddefenda ruħu mit-tfajla meta din, skontu ppruvat titfgħu għal isfel min fuq iċ-ċint ħdejn id-District Five f’Birżebbuġa u mbuttaha. Qal li meta mbuttaha, waqgħet mal-art u ħabtet rasha.
L-imputat jisħaq li huwa mbuttaha biss u xejn iktar u meta ra li waqgħet u baqgħet mal-art, stenna biex jara hux kollox sew u meta ra li skontu ma kien hemm xejn gravi telaq minn fuq il-post biex jitlaq ‘il bogħod minnha.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella iżda nnutat li fl-istqarrija tiegħu huwa kien stqarr li mar oltre milli sempliċiment imbuttaha, anzi jgħid bla tlaqliq ta’ xejn illi dak il-ħin huwa rritalja u ġie fl-idejn magħha.
Stqarr li meta hi waqgħet mal-art waqt il-ġlieda li kellhom, hija qamet waħedha u mhux qajjimha hu u aktar minn hekk mhux telaq minn fuq il-post iżda baqa’ hemm u meta skontu din reġgħet ġiet għalih, beda jxejjer id-daqqiet ta’ ponn.
“Għalkemm l-imputat isostni li huwa ddefenda ruħu għaliex kienet hi li għamlet għalih l-ewwel, id-diskrepanza bejn dak li stqarr fl-istqarrija u dak li xehed fil-Qorti, serjament jimpinġi fuq il-kredibilità tiegħu. Min-naħa l-oħra, il-mara kienet konsistenti fil-verżjoni tal-fatti mogħtija minnha u b’hekk hi ferm aktar kredibbli minnu,” osservat il-Qorti. “Għalhekk il-Qorti hi tal-fehma li fil-kors tal-argument li kien għaddej, l-imputat dar għaliha, beda jagħtiha u jheddidha u kkawżalha l-ġrieħi.”
Il-Qorti qalet ukoll li għalkemm il-mara ħafritlu, tali dikjarazzjoni bl-ebda mod ma kienet taffettwa l-konklużjoni tal-istess Qorti dwar is-sejbien ta’ ħtija tiegħu għar-reat li kkaġunalha ġrieħi ħfief. “Il-maħfra u r-rinunzja tal-parti leża tista’ tittieħed inkonsiderazzjoni għall-finijiet ta’ piena u xejn iktar.”
Filwaqt li sabitu ħati li kkaġunalha ġrieħi ta’ natura ħafifa u heddidha, il-Qorti qalet li fid-dawl li l-imputat għandu problema biex jikkontrolla r-rabja tiegħu, għadda minn ammont ta’ trawmi fil-passat u jidher li għandu l-problema tad-droga, is-sorveljanza tiegħu minn uffiċjal tal-probation kienet mixtieqa fl-interess li tkun assikurata r-rijabilitazzjoni tiegħu kif ukoll biex jiġi protett il-pubbliku.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li poġġietu taħt ordni ta’ probation u taħt ordni ta’ trattament għal żmien tliet snin.