Saturday, October 26, 2024

Problema ewlenija għas-salvataġġ tal-persuni abbord is-sottomarin Titan hija l-fond li għeb fih

Aqra wkoll

It-tfittxija għas-sottomarin li ntilef b’ħames persuni abbord waqt li kien nieżel għal fuq it-tifrik tat-Titanic fl-oċean Atlantiku daħlet f’fażi delikata u f’tellieqa kontra l-ħin hekk kif minn provvista ta’ ossiġnu ta’ 96 siegħa (f’każ ta’ emerġenzi) fadal biss madwar jumejn ta’ biex dawk li kienu abbord jiġu salvati.

L-ispeċjalista tal-operazzjonijiet tal-baħar, Mike Welham, iddeskriva d-diffikultajiet fl-operazzjoni tat-tfittxija, u żied jgħid li se jkunu meħtieġa vetturi speċjalizzati ħafna ta’ taħt l-ilma biex imorru f’daqshekk fond fejn jinsabu l-fdalijiet tat-Titanic li hija l-akbar problema li għandhom in-nies tas-salvataġġ f’din l-operazzjoni.

It-Titan, bil-ħames persuni abbord, tilef il-kuntatt mal-bastiment tar-riċerka Polar Prince madwar siegħa u 45 minuta fil-għadsa tiegħu lejn it-tifrik tat-Titanic il-Ħadd filgħodu. Flimkien mal-biljunarju Ingliż Hamish Harding, hemm il-pilota tas-sottomarin, il-Franċiż Paul-Henry Nargeolet, u l-Kap Eżekuttiv u fundatur tal-kumpanija OceanGate Expeditions, Stockton Rush. In-negozjant Pakistani Shahzada Dawood u ibnu Suleman, kienu wkoll abbord.

Fl-operazzjoni qed issir tfittxija kbira ta’ salvataġġ, immexxija mill-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti u li tinvolvi ajruplani militari, 900 mil fil-Lvant ta’ Cape Cod. Il-Gwardja tal-Kosta Amerikana wissiet li t-tfittxija kienet “sfida” minħabba l-post remot, xi 435 mil fin-Nofsinhar ta’ Newfoundland, il-Kanada. Il-Gwardja tal-Kosta tal-Istati Uniti qed tuża ajruplan C-130 fit-tfttxija mill-ajru, kemm viżwali kif ukoll bir-radar. Il-forzi Kanadiżi wkoll daħlu fit-tfittxija u minbarra ajruplan tat-tiftix skjeraw ukoll sottomarini u poġġew bagi sonar fl-ilma biex jippruvaw jisimgħu xi sinjali mill-fond tal-baħar.

Il-kumpanija OceanGate qalet fi stqarrija li kienet qed tesplora u timmobilizza l-għażliet kollha biex issalva u ġġib l-ekwipaġġ lura mingħajr periklu. Skont OceanGate, it-Titan għandu kapaċità li jogħdos sa 13,120 pied b’marġini ta’ sikurezza komda u jieħu sagħtejn biex jinżel madwar 12,500 pied fejn jinsab it-tifrik tat-Titanic. Il-bastiment jopera billi jibgħat lura messaġġ kull 15-il minuta biex jindika lil dawk fuq l-art li huwa sigur. Madankollu, ftit wara li s-sottomarin beda l-għadsa tiegħu nhar il-Ħaadd li għadda l-messaġġi waqfu.

Sport