Wednesday, December 25, 2024

“Problema komuni imma nemmen li hemm soluzzjonijiet komuni” – il-PM dwar l-immigrazzjoni irregolari waqt summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell

Aqra wkoll

“L-immigrazzjoni ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejha b’soluzzjonijiet tradizzjonali għaliex nafu li ma ħadmux, għalhekk l-importanza ta’ soluzzjonijiet innovattivi.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell u li matulu ddominaw diskussjonijiet dwar l-immigrazzjoni irregolari. Fil-fatt, it-tema ddominat mal-jum kollu hekk kif anke l-Italja sejħet laqgħa bejn numru ta’ stati Ewropej inkluż Malta, f’dan rigward.

Mal-midja hekk kif intemmu d-diskussjonijiet il-Prim Ministru sostna kif matulhom huwa wassal il-pożizzjoni konsistenti ta’ pajjiżna dwar din ir-realtà, jiġifieri dik tal-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra t-traffikar uman u aktar effiċjenza fil-politika Ewropea li tiffoka fuq ir-ritorni.

Kien hawn li l-Prim Ministru semma wkoll kif soluzzjonijiet innovattivi huma kruċjali fosthom il-kunċett ta’ return hub mechanism, li pproponiet Malta ftit xhur ilu. Il-Prim Ministru sostna wkoll l-importanza li l-immigrazzjoni irregolari ma tiġix trattata b’mod iżolat.

“Li ninvestu f’affarijiet bħall-edukazzjoni u t-tkabbir ekonomiku f’dawn il-pajjiżi żgur jgħin fl-istabbiltà tar-reġjuni. Dan iwassal għal aktar prosperità u alternattivi fl-aħħar mill-aħħar għal dawk li jkunu qed jittantaw jieħdu r-riskju li jagħmlu vjaġġ perikoluż immens fuq il-baħar lejn ħajja aħjar.”

Intant tul l-istess summit, il-mexxejja Ewropej trattaw numru ta’ temi oħra li kienu fuq l-aġenda fosthom is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-kompetittività, u l-aħħar żviluppi fis-Sudan u l-Venezwela.

Dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, fejn kien hemm anke qbil fil-konklużjonijiet tas-summit f’dan ir-rigward, il-Prim Ministru sostna l-importanza tas-soluzzjoni bejn żewġ stati filwaqt li rrimarka l-Unjoni Ewropea trid tkun strateġika fuq l-involviment tal-Iran. Tenna li filwaqt li l-mexxejja huma kommessi sabiex iwasslu għal stabbiltà u paċi fir-reġjun, li jagħmlu dan huwa fl-interess tagħhom ukoll.

Hekk kif għal dan is-summit tal-Kunsill Ewropew attenda wkoll il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, il-Kunsill ddiskuta bi prominenza l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna. Hawn Dr Abela wassal il-pożizzjoni ta’ pajjiżna favur sostenn lill-Ukrajna madankollu fil-limiti tal-Kostituzzjoni Maltija.

“Qbilna wkoll ma’ dak li sostnew pajjiżi oħrajn jiġifieri li jkun hemm ħidma ta’ outreach madwar id-dinja li jippromwovu paċi dejjiema għall-Ukrajna. F’dan ir-rigward il-pożizzjoni tagħna hija li nimbuttaw dan l-impenn anke bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN u anke biċ-Chairpersonship tal-OSCE”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport