Il-Korp tal-Pulizija jiċħad li ngħatat ordni lil xi uffiċjal tal-pulizija biex jagħmel kuntatt ma’ persuna jew persuni li jmexxu paġna fuq il-midja soċjali biex ineħħu il-filmat ta’
kuntistabbli fuq Tiktok.
Il-filmat in-kwistjoni ttella’ fuq il-midja soċjali tal-kuntistabbli mill-istess kuntistabbli, nhar is-Sibt 23 ta’ Mejju, 2020. Malli l-Amministrazzjoni tal-Korp saret taf bil-filmat dakinhar stess, il-kuntistabbli ġiet ordnata tneħħi l-filmat li poġġiet, waqt li immedjatament bdiet investigazzjoni min-naħa tat-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp tal-Pulizija.
Fl-istess waqt bdew ukoll proċeduri dixxipplinarji fil-konfront tal-Pulizija. Il-Korp tal-Pulizija jagħmilha ċara li m’għamilx kuntatt jew ta’ ordni lil xi ħadd ieħor, ħlief
lill-kuntistabbli, sabiex jitneħħa l-filmat minn kwalunkwe midja soċjali. Għaldaqstant bdiet investigazzjoni f’dan ir-rigward.
Jekk mill-investigazzjonijiet jirriżulta li xi uffiċjal tal-pulizija abbuża mill-pożizzjoni tiegħu u għamel kuntatt ma’ persuna jew persuni biex ineħħu l-filmat, se jittieħdu passi kontrih.