Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet proċeduri ta’ ksur kontra Malta dwar id-deroga għar-riċerka relatata mas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana.
Wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-2024 (Kawża C23/23), il-Gvern daħħal emendi sabiex jikkonforma ma’ dik is-sentenza. Dawn l-emendi kienu intiżi biex jindirizzaw is-sentenza tal-Qorti, b’mod partikolari billi jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet sodisfaċenti oħra u billi jsaħħu l-miżuri ta’ implimentazzjoni.
Minkejja dawn l-isforzi, il-Kummissjoni xorta waħda ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ġodda ta’ ksur peress li qed tiddubita jekk id-deroga ta’ Malta, kif applikata fil-qafas leġiżlattiv il-ġdid, effettivament sservix skop ta’ riċerka. Il-Gvern Malti jieħu nota ta’ din id-deċiżjoni u jibqa’ impenjat fid-djalogu kostruttiv kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea. Id-diskussjonijiet riċenti bejn il-Ministru Clint Camilleri u l-Kummissarju Jessika Roswall enfasizzaw l-impenn ta’ Malta li tikkopera b’mod leali u ssib soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli.
Il-Gvern issa għandu xahrejn biex iwieġeb għal dawn il-proċeduri.
Il-Gvern Malti se jkompli jiddefendi din id-deroga ta’ riċerka, filwaqt li jiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jipproteġi l-identità kulturali u t-tradizzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

