“Il-qasam tad-diġitalizzazzjoni huwa mod ta’ kif tkompli ssaħħaħ u timmodernizza l-infrastruttura tal-pajjiż u ċertament nemmnu li din tibqa’ fuq quddiem nett tal-prijoritajiet. Iżda daqstant ieħor importanti l-ħidma fil-qasam ambjentali”. Iddikjara dan il-Prim Ministru waqt li kienu qegħdin jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-budget 2024 għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dr Abela ħabbar dwar proċess ġdid li għaddej bejn il-Ministeru tal-Ambjent u dak responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet fejn qegħdin jiġu identifikati numru ta’ artijiet li huma proprjetà tal-istat biex ikunu jistgħu jiġu użati għal spazji ta’ proġetti ħodor fl-urban. Hawnhekk huwa preċiża dawn jitrattaw artijiet li jinsabu fl-iskema, iġifieri artijiet li jistgħu jinbnew u li allura magħhom għandek marbut valur kbir ta’ għexieren ta’ miljuni ta’ ewro jekk mhux iżjed. Il-Prim Ministru kompla biex jelabora li l-ħsieb huwa li l-ewwel parti ta’ dan il-proċess tintemm fil-bidu tas-sena d-dieħla.
“Dan ma jfissirx li kull art tal-gvern, kull art li hija fl-iskema se tingħata għal dawn il-proġetti ambjentali. Iżda iva se nindividwalizzaw numru ta’ artijiet, proprjetajiet tal-gvern u minflok l-gvern jiżviluppahom fi proprjetajiet u joħroġ tenders, dawn l-artijiet jinbidlu fi proġetti ħodor biex il-familji tagħna jkunu jistgħu jużawhom b’mod rikreattiv”, tenna Dr Abela.
Investiment diġitali lejn sistema paperless
“Irridu aktar servizzi effiċjenti. Nista’ nħabbar ukoll li wara li ġie pubblikat tender issa dan qiegħed jiġi evalwat biex is-sistemi tal-filing tal-gvern ikun qiegħed jinqaleb għal wieħed paperless”. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kompla biex jitkellem dwar proġetti li hemm għas-servizz pubbliku anke bi strateġija li ddaħħal iżjed diġitalizzazzjoni bil-mira li l-proċessi interni jiġu rfinati b’konsiderazzjoni tal-protezzjoni tad-data. Dr Abela qal li wara dan, is-sena li ġejja mistennija tiġi tkun installata sistema ċentrali tal-MITA li tibda mill-uffiċċju tiegħu u l-entitajiet li jaqgħu taħtu sakemm tinfirexx fuq medda ta’ snin b’ investiment ta’ €20 miljun li jibqa’ jiżdied sa €40 miljun. Malta żammet ukoll l-ewwel post fejn jidħol l-eGovernment skont benchmark maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea u hawnhekk il-Prim Ministru qal li permezz tas-servizzi governattivi l-mira hija li pajjiżna jżomm din il-pożizzjoni.
Il-Prim Ministru rrefera għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni ftit qablu li għal darba oħra għażel li jiffoka fuq iż-żieda bla kontroll tal-popolazzjoni li skontu hija direzzjoni populista minnu li jbiddel il-verżjoni tiegħu skont ir-rabja tal-pubbliku fil-mument aktar minn dik li hija l-politika li jħaddan.
Minn konfużjoni għal populiżmu perikoluż
“Konfużjoni konsistenti u totali li huwa sinonomu mal-Oppożizzjoni. Meta inti tħalli l-prinċipji tiegħek minflok jiggwidawk, jiġu mmexxija minn dak li jkun trending fis-social media dak li jiġrilek. Agħar minn hekk meta mill-konfużjoni tinżel għal popoliżmu perikoluż tkun qiegħed taqbeż linji perikolużi”. Il-Prim Ministru qal li ftit minuti qabel id-diskors tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni kompla b’diskors iffukat fuq il-popolazzjoni u jipprova joħloq distinzjonijiet abbażi tan-nazzjonalità. Huwa qal li l-midja tal-Partit Nazzjonalista spiċċat titkellem dwar popolazzjoni indiġena li skontu huwa diskors razzjali perikoluż ħafna. Il-Prim Ministru tkellem dwar dan waqt li nnota dwar regoli ġodda mħabbra aktar kmieni għall-Aġenziji tax-Xogħol (Temping Agencies) li se jassiguraw li dawn l-aġenziji, li jimpjegaw ħaddiema Maltin u barranin, ikunu regolati b’reġim legali robust li jagħmel mandatorja liċenzja sabiex ikunu jistgħu jġibu ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna.
Budget imfassal fuq gvern li lest jerfa’ l-piżijiet
Il-Prim Ministru sostna dwar id-deċiżjoni tal-gvern li quddiem l-akbar sfidi, għażel li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli b’sussidji qawwija u li skontu fuqu huwa mibni dan il-budget mimli b’miżuri li se jkomplu jħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies. Dwar kif il-gvern jista’ jibqa’ jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli fit-tul, Dr Abela qal li filwaqt li qegħdin jingħataw sussidji ta’ miljuni kbar ta’ ewro, il-gvern baqa’ jistudja kif ibaxxi l-prezz li bih dan il-pajjiż jixtri l-enerġija. Filwaqt li rrefera għall- proġett tat-tieni interconnector, il-proġett waste to energy u l-proġett ta’ enerġija rinovabbli, il-Prim Ministru qal li dan kollu jikkonferma gvern iffukkat li jkompli jgħin lill-familji u n-negozji biex b’motivazzjoni jibqgħu jimxu ’l quddiem fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet tagħhom.