Il-Professur Henry Frendo ta b’donazzjoni numru kbir ta’ dokumenti storiċi u rekords oħra relatati mar-riċerka tiegħu fl-istorja ta’ Malta lill-Arkivji Nazzjonali.
Dawn ir-rekords jinkludu noti, intervisti, dokumenti ta’ riċerka, ritratti u audio-books relatati mal-istorja ta’ Malta matul l-aħħar 200 sena.
Waqt attività uffiċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rringrazzja lill-Professur Henry Frendo għad-donazzjoni tiegħu ta’ dan ix-xogħol li jitfa’ dawl ġdid fuq il-wirt kulturali u l-istorja ta’ pajjiżna. Huwa rringrazzja wkoll lill-ħaddiema tal-Arkivji Nazzjonali, immexxija minn Dr Charles Farrugia, tal-ħidma kbira u d-dedikazzjoni li għandhom lejn l-istorja ħajja ta’ Malta.
Prof. Frendo huwa professur tal-Istorja Moderna fl-Università ta’ Malta. L-oqsma ewlenin tar-riċerka tiegħu jinkludu l-imperjaliżmu, nazzjonaliżmu, dekolonizzazzjoni, postkolonjaliżmu, ġurnaliżmu, migrazzjoni u etniċità fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, il-Mediterran kif ukoll il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Huwa ħadem ukoll mal-UNHCR fejn kien stazzjonat fl-Isvizzera, il-Możambik, iż-Żimbabwe, l-Eġittu u l- Papua New Guinea.