Saturday, December 28, 2024

Professjonaliżmu Malti f’disinn ta’ ristorant fl-Ingilterra

Aqra wkoll

Ristorant ġdid u innovattiv li ġie inawgurat dan l-aħħar fil-ġonna botaniċi Rjali ta’ Kew fl-Ingilterra ġie disinjat bi professjonalita mill-kumpanija Maltija Mizzi Studio. Id-disinn sar b’enfasi fuq l-importanza tas-sostenibbilita fil-kultura tal-ikel.

Ir-ristorant, li ngħata l-isem ta’ Family Kitchen & Shop huwa mqassm f’sitt żoni ewlenin ta’ tagħlim: id-diversità, il-ħarifa, ix-xjenza, l-ilma, ix-xemx u r-rebbiegħa. Kull waħda mit-temi ġiet żviluppata biex il-viżitatur jittieħed fuq vjaġġ li bih isir jaf iktar dwar il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-preparazzjoni ta’ ikel bnin. 

Fiċ-ċentru tal-post tpoġġa forn tal-pizza bil-madum miksi b’periskopji ta’ mirja ħomor li juru frott u ħaxix. Dan bilgħan li t-tfal jitgħallmu dwar kif isir l-ikel, imnejn jiġu l-ingredjenti, u kif jagħrfu u jsemmu l-ikel differenti li jagħmel parti mill-ikliet tagħhom. F’din it-taqsima hemm parti fejn it-tfal jistgħu jagħżlu l-ingredjenti għall-pizza tagħhom, b’hekk jiżdied l-għarfien dwar il-proċess tal-produzzjoni tal-ikel.

Il-familji jidħlu f’żona kbira tal-ikel, b’siġra Enset enormi, imdawra b’mirja u weraq imdawwal. F’din iż-żona tal-ikel hemm ukoll żona għall-kwiet fil-forma ta’ tuffieħ ġganteska.

L-għan tad-disinjaturi kien li jfasslu spazju li jiċċelebra n-natura u t-tagħlim u li jħeġġeġ lit-tfal u l-ġenituri fit-tkabbir, l-iġjene u l-preparazzjoni tal-ikel. 

Permezz tal-kuluri, tessuti, u forom ispirati min-natura selvaġġa, d-disinjaturi ħolqu spazju li jqarreb lill-familji lejn ir-rwoli tal-elementi fin-natura, lejn l-istaġuni, u l-proċess tal-ikel mill-pjanta għall-pjatt. 

“Hekk kif qed ngħixu fi kriżi ta’ klima, Mizzi Studio jemmen li xejn mhu aktar importanti milli jintuża d-disinn biex jippromwovi r-rwol tal-umanità bħala amministraturi tal-pjaneta tagħna. Għalhekk l-għan tagħna hu li ngħinu lit-tfal iħobbu n-natura, biex ikomplu jgħożżuha u jipproteġuha meta jikbru,” qal Jonathan Mizzi, id-Direttur ta’ Mizzi Studio.

Ekonomija

Sport