Saturday, December 21, 2024

Professur jgħid lin-nisa jistennew xahrejn qabel joħorġu tqal

Aqra wkoll

Il-ġinekologu li jmexxu d-dipartiment tat-tqala fl-Isptar Mater Dei qed jissuġġerixxi lin-nisa biex ma joħorġux tqal qabel xahrejn oħra.

Il-Professur Yves Muscat Baron, Kap tad-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija, kien qed jindirizza sessjoni oħra ta’ mistoqsijiet u tweġibiet li qed jixxandru kuljum fuq il-paġna tal-Facebook tal-istess sptar.

Huwa spjega kif s’issa ma jidhirx li l-coronavirus jaffettwa lit-tarbija ġol-ġuf imma l-omm tista’ tgħaddihilha wara l-ħlas jekk tkun viċin tagħha.

F’dak il-każ it-tarbija tiġi separata minn mat-tarbija anke jekk tkun tista’ tiġbed il-ħalib ta’ sidirha peress li l-virus ma jgħaddix mill-ħalib.

Il-ġinekologu sostna li n-nisa tqal jistgħu jkomplu jattendu għall-viżti tat-tqala u serrħilhom rashom li fl-isptar ittieħdu l-proċeduri neċessarji biex tinżamm id-distanza.

Il-Professur Muscat Baron qal li jekk mara tqila jkollha d-deni għandha tieħu żewġ paracetamols kull sitt siegħat u serrħilhom rashom li dawn ma jagħmlux ħsara lit-tarbija.

Ma jidhirx li l-coronavirus jaffettwa lit-tarbija fil-ġuf imma l-omm tista’ tgħaddihilha wara l-ħlas jekk tkun viċin tagħha

Il-Professur Yves Muscat Baron

Dwar jekk mara tqila għandhix iktar ċans li twelled b’ċesarja minħabba dan il-virus huwa nsista li bħal f’kull każ ieħor twelid b’dan il-mod isir jekk ikun hemm periklu għall-omm jew għat-tarbija.

Huwa kien mistoqsi wkoll dwar jekk is-sieħb tal-mara tqila għandux jibqa’ magħha u semma kif jista’ sakemm m’għandux il-virus jew huwa fi kwarantina.

Il-Professur Muscat Baron żied li meta mqabbla ma’ pajjiżi oħrajn Malta sejra tajjeb ħafna fil-ġlieda kontra l-coronavirus u appella għal iktar minn darba biex inżommu d-distanza ta’ żewġ metri u naħslu jdejna spiss.

Huwa spjega li fir-rigward tad-distanza ż-żewġ metri huma importanti għax in-nifs jista’ jilħaq mhux aktar minn żewġ metri u għalhekk il-mikrobi jistgħu jaslu sa’ din id-distanza.

Dwar il-ħasil tal-idejn huwa semma kif il-viruses, inkluż il-coronavirus, ikollhom bħala kisja xaħam madwarhom li bil-ħasil tal-idejn tmur u għalhekk il-virus ma jkunx jista’ jgħix.

Il-ġinekologu żied li huwa ikkalkulat li fl-Ewropa hawn 120,000 persuna li ħajjithom ġiet salvata minħabba l-ħasil tal-idejn u d-distanza soċjali fejn hawnhekk semma kif tliet membri ta’ familja flimkien huwa aħjar minn tliet persuni minn familji differenti bħala prekawzjoni.

Huwa stqarr kif dawn il-miżuri kollha huma importanti biex in-nies mhux biss iħarsu saħħithom imma anke tat-tobba, infermeri u ħaddiema oħra fl-isptarijiet għax li ġara fl-Italja u Spanja kien li dawk involuti fil-kura baqgħu jmorru bħala dover u spiċċaw marrdu lill-pazjenti.

Fi tmiem l-intervent tiegħu huwa esprima l-fiduċja li pajjiżna se joħroġ minn din il-burraxka u li grazzi għall-miżuri li qed jieħu ma tolqotnix ħażin daqskemm qed tolqot pajjiżi oħra.

Ekonomija

Sport