Il-Mellieħa Holiday Centre, magħruf bħala d-Danish Village, nieda proġett ġdid ta’ pannelli tax-xemx, li mistennija jipproduċu aktar minn 40% tal-konsum annwali tal-elettriku ta’ dan iċ-ċentru. Dan il-proġett ta’ enerġija rinnovabbli, li sar b’investiment privat ta’ €1 miljun, jinsab fuq il-post.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli kienet mistiedna biex tippresjedi l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett. Hija faħħret l-inizjattiva privata bħala eżempju ċar ta’ investiment fis-sostenibbiltà.
“L-inawgurazzjoni tal-lum timmarka t-tlestija ta’ investiment estensiv fl-enerġija rinnovabbli u tirrappreżenta eżempju prattiku ta’ kif is-settur privat jista’ jikkontribwixxi direttament għall-miri tagħna ta’ sostenibbiltà fit-tul. Proġetti bħal dan juru li t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa hija possibbli u hija ta’ benefiċċju kemm ambjentalment kif ukoll ekonomikament,” qalet il-Ministru Miriam Dalli waqt l-inawgurazzjoni. “Billi tiġġenera parti sinifikanti tal-elettriku tagħha fuq il-post, din l-organizzazzjoni qed turi impenn veru lejn l-użu responsabbli tal-enerġija,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli.
Il-proġett ġie ddisinjat biex jipprijoritizza l-intervent minimu fuq l-art u jiżgura li s-sit ikun jista’ jiġi restawrat kompletament fil-futur.
“Dan huwa eżattament it-tip ta’ innovazzjoni sostenibbli u li tħares fit-tul li hija allinjata mal-istrateġija nazzjonali tagħna tal-enerġija,” qalet il-Ministru Dalli.
L-installazzjoni għandha kapaċità totali ta’ 830 kWp u mistennija tiġġenera madwar 1,286,500 kWh ta’ enerġija nadifa fis-sena, u b’hekk tnaqqas madwar 588 tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO₂ kull sena. Il-faċilità solari tkopri 10,000 metru kwadru ta’ art.
“Il-proġett tal-pannelli tax-xemx hu l-ewwel pass fost passi oħra li nixtiequ nieħdu fil-futur, biex bħala kumpanija nkunu aktar sostenibbli u fl-aħħar mill-aħħar nilħqu l-mira li nkunu proprjetà newtrali għall-karbonju.”
“It-tlestija ta’ dan il-proġett jimmarka pass importanti fl-impenn kontinwu tagħna għas-sostenibbiltà u l-enerġija rinnovabbli, mhux biss għaċ-ċentru tagħna iżda ukoll għall-komunità usa’,” qal Hamdi AbuRub, il-Kap Eżekuttiv tal-Mellieħa Holiday Centre.
Il-proġett evita l-iskavar u l-pedamenti tal-konkrit, u minflok uża strutturi tal-aluminju riċiklat imwaħħlin b’kontrapiżijiet tal-ġebla Maltija mqiegħda direttament fuq l-art. Dan l-mod jippermetti t-tneħħija tal-installazzjoni fi tmiem iċ-ċiklu tagħha, u b’hekk l-art tkun tista’ tiġi restawrata għall-istat oriġinali tagħha.

