Wednesday, December 25, 2024

Proġett ieħor ta’ Project Green: Issa fil-qalba ta’ Bormla

10,000 ruħ mill-Kottonera se jkollom ġnien f’inqas minn 10 minuti miexi

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ Bormla jifforma parti mill-pjan ta’ Project Green li timplimenta l-akbar proġetti ambjentali, b’investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin. Dan se jkun qed jagħti lura art għal-iżvilupp lil 10,000 persuna li se jkunu qed joqogħdu inqas minn għaxar minuti ‘l bogħod, biex igawduha fi spazju miftuħ.

Fuq din l-art li tkejjel madwar 3,000 metru kwadru, sa ftit żmien ilu kien pjanat li jsir żvilupp ta’ ħames sulari biex isir dormitorji mill-American University of Malta. F’dan il-proġett nixtiequ mmorru oltre minn proġett infrastrutturali biex nagħtu spazju miftuħ pubbliku, ambjent isbaħ li fih ikun hemm xi ħaġa għal kulħadd.

Kif jixraq lin-nies tal-Kottonera

Il-pjan tagħna huwa li nagħtu lura lin-nies tal-Kottonera pulmun aħdar, irridu nassiguraw li dan l-ispazju miftuħ isir skont il-bżonnijiet tar-residenti tal-lokalità. Għalhekk, b’dan l-oġġettiv f’moħħna, għamilna żgur li fl-ippjanar ta’ dan il-proġett ninkludu varjetà ta’ faċilitajiet li jistgħu jitgawdew minn persuni ta’ kull età.

Dawn il-faċilitajiet jinkludu picnic area u ġnien għall-familji u l-anzjani biex anki huma jkollhom spazju fejn jirrikrejaw ruħhom filwaqt li żidna spazju għall-parkour għaż-żgħażagħ u bandli għat-tfal.

B’hekk dan l-ispazju miftuħ verament nistgħu ngħidu li jinkorpora fih attivitajiet għal nies ta’ kull età, u attivitajiet uniċi li bħalhom Malta preżentament ma hawnx bħal ma huwa l-ispazju għal parkour.

Se jitriplika il-parkeġġ taħt l-art

Il-pożizzjoni ta’ dan l-ispazju hija partikolari anki ħabba l-fatt li huwa qrib ħafna tax-xatt u ħafna nies li jużaw il-ferry, jipparkjaw il-karozza tagħhom hemm. Din taf tkun ta’ inkonvenjent għar-residenti li ma jsibux spazju fejn iħallu l-karozza tagħhom. Preżentement dan l-ispazju qiegħda sservi bħala parkeġġ għal madwar 80 karozza. Nifhmu l-bżonnijiet tar-residenti għall-parkeġġ u b’hekk se nagħmlu parkeġġ taħt l-art li se jkun jesa’ aktar minn 220 karozza.

Din il-miżura se tkun qed tinċentiva wkoll lil aktar nies biex jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport bħal ferry, hekk kif issa se jkollhom spazju sigur fejn iħallu l-karozzi tagħhom.

B’hekk mhux talli m’aħna ser nieħdu xejn lin-nies, talli ħa nthom lura aktar.
F’dan il-parkeġġ se jkun hemm ukoll spazju fejn wieħed iħalli r-roti biex kemm jista’ jkun jiġi evitat lok ta’ serq.

Qed nieħdu wkoll f’kunsiderazzjoni l-ambizzjonijiet ta’ dan il-pajjiż biex nagħmlu l-qalba għal karozzi elettriċi u ħabba f’hekk qed nippjanaw biex ikun hemm ammont ta’ charging pillars ukoll.

Ġnien li se jfakkar l-istorja ta’ Bormla

Qed naħdmu biex ikollna spazji miftuħa li mhux biss jħarsu lejn l-aspett soċjali tal-komunitajiet tagħna, iżda wkoll noħolqu spazji li jfakkru l-istorja u l-kultura tagħna.

Dan l-ispazju qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija kien jintuża bħala suq tal-pitkali, mdawwar b’arkati sbieħ li jagħtu sens ta’ prestiġju. Fid-disinn ta’ dan il-ġnien assigurajna li jiġu inkorporati dawn l-arkati biex infakkru l-istorja li maż-żmien intesiet. Qed nassiguraw li nikkumplimentaw l-istorja, filwaqt li nirrispettaw il-karatteristiċi tal-post.

Il-Proċess ta’ Konsultazzjoni f’dan il-proġett

S’issa, dan huwa l-pjan u l-viżjoni tagħna għal dan il-proġett iżda aktar kmieni din il-ġimgħa għamilna laqgħa ta’ konsultazzjoni mar-residenti ta’ Bormla u l-Kottonera biex anki huma jkollhom sehem f’dan il-proġett.

Fil-ġimgħat ta’ qabel iltqajna mal-Kunsill lokali ta’ Bormla biex niddiskutu dan il-proġett f’aktar dettal, fejn spjegawlna x-xewqat tan-nies li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum. Konsegwentament, kien flimkien magħhom li kkordinajna din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li fiha lqajna l-pubbliku ġenerali biex hekk nisimgħu l-ideat ta’ kulħadd.

Dan il-proġett qed tagħmlu Project Green iżda finalment dan huwa tan-nies u se jitgawda minnhom, b’hekk qed nagħtu prijorita assoluta lil konsultazzjoni biex f’dak kollu li nagħmlu n-nies ikunu parteċipi.

Kull proġett li nagħmlu bħala aġenzija qed nassiguraw li jkun wieħed ħolistiku, li fih ninkorporaw l-aspett soċjali billi ninkludu attivitajiet għal kulħadd, familji, anzjani, żgħażagħ u tfal filwaqt li ninkorporaw l-aspetti kulturali u fuq kollox naraw li l-bżonnijiet tan-nies b’mod speċjali r-residenti qed jiġu indirizzati.

Ekonomija

Sport