Saturday, March 22, 2025

Proġett ieħor ta’ riċerka bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali … robots għall-kura u ħajja aħjar tal-anzjani

Aqra wkoll

Il-proġett HEARTS (Human-centred Elderly Assistance with Robotic Technology and Support) għandu l-għan li jgħin lill-anzjani sabiex jiffaċilitalhom il-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ robots bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali. Id-dettalji dwar dan il-proġett tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

Il-proġett HEARTS, immexxi mill-Professur Conrad Attard, huwa wieħed minn fost numru ta’ proġetti ta’ riċerka li ġew iffinanzjati mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dan il-proġett se joffri assistenza meħtieġa lil carers u professjonisti oħra fid-djar tal-anzjani sabiex jagħmlu xogħlijiet ta’ kuljum. B’hekk il-professjonisti jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq attivitajiet aktar importanti għall-kura tal-anzjani.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar dan il-proġett u faħħar din l-inizjattiva mill-Professur Attard u t-tim tiegħu. “B’dan il-proġett qegħdin nolqtu settur ieħor importanti fejn permezz tal-avvanzi teknoloġiċi se nkunu qegħdin niffaċilitaw aktar ix-xogħol impekkabbli u ta’ benefiċċju kbir li l-professjonisti tas-saħħa qegħdin jagħmlu,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

“Irrid nagħmilha ċara li r-robots li qegħdin insemmu llum m’huma bl-ebda mod se jieħdu post il-ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani. Anzi, permezz ta’ dan il-proġett se jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq affarijiet ta’ importanza ikbar,” żied jgħid is-Segretarju Parlamentari.

“Dawn huma proġetti li verament qegħdin jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies. L-anzjani huma għal qalb dan il-gvern u kommessi li nkomplu nkunu ta’ appoġġ sabiex ikollhom ħajja aħjar u aktar komda,” qal is-segretarju parlamentari. Huwa għalaq billi stieden lill-Professur Attard u lit-tim tiegħu sabiex imorru għall-pass li jmiss u jwasslu dan il-proġett mhux biss fid-djar tal-anzjani, iżda wkoll fir-residenzi individwali tagħhom sabiex ikollhom il-possibbiltà li jibqgħu jgħixu fi djarhom fil-komunità li trabbew fiha.

Il-Professur Conrad Attard spjega li l-proġett HEARTS se jkun qiegħed jagħmel id-differenza fid-djar tal-anzjani. Huwa qal li r-robots semi-humanoid permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali se jkunu jistgħu jagħmlu attivitajiet bħal tindif, tfakkar għall-mediċina, u anki jipprovdu kenn soċjali għal dawk l-anzjani li ma tantx ikollhom viżitaturi u jqattgħu ħafna ħin weħidhom. Il-proġett pilota se jkun qiegħed jiġi ttestjat fir-residenza tal-anzjani f’San Vinċenz de Paule fix-xhur li ġejjin.

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paule, Jorgen Souness, fejn qal kemm dan il-proġett jista’ jkun ta’ fejda għas-settur tal-anzjanità attiva. Filwaqt li laqa’ din l-inizjattiva, huwa sostna li San Vinċenz de Paule huwa dejjem disponibbli sabiex jipprovdi lok għal proġetti ta’ dan it-tip li jistgħu jtejbu l-ħajja tar-residenti anzjani u tal-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport