Friday, December 13, 2024

Proġett infrastrutturali ta’ bankini u pavimentar għal Imdina isbaħ u aktar aċċessibbli

Aqra wkoll

Fl-Imdina, belt li ġġorr wirt nazzjonali kbir għal pajjiżna, iffrekwentata minn eluf ta’ Maltin u turisti, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ser ikun qiegħed jibda xogħlijiet infrastrutturali fuq numru ta’ bankini kif ukoll xogħlijiet ta’ pavimentar fiċ-ċentru u mad-dawra ta’ din il-lokalità.

Waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, flimkien mas-Sindku tal-Imdina Peter dei Conti Sant Manduca, enfasizza li bħala gvern impenjati li din il-belt tingħata l-importanza infrastrutturali li jixirqilha kemm mil-lat estetiku kif ukoll mil-lat ta’ aċċessibbiltà. “Dawn ix-xogħlijiet ser ikunu ta’ sostenn kemm għall-eluf ta’ Maltin li jżuruha kif ukoll għat-turisti li jgawdu s-sbuħija ta’ dan il-lokal.”

Is-segretarju parlamentari qal ukoll li proġett bħalma ser ikun qiegħed isir fl-Imdina huwa frott l-iffirmar li sar bejn il-gvern u l-54 kunsilli lokali f’April ta’ din is-sena u li huwa mmirat li jtejjeb l-infrastruttura kif ukoll jsebbaħ il-lokalitajiet tagħna.

Is-Sindku Peter dei Conti Sant Manduca, filwaqt li rringrazzja l-gvern għall-ħidma tiegħu fil-lokalità tal-Imdina, saħaq dwar l-importanza ta’ dawn ix-xogħlijiet li ser isiru b’rispett assolut lejn l-wirt li ġġorr il-belt tal-Imdina filwaqt li ser ikomplu jżommuha fl-ogħla livell possibbli.

Ekonomija

Sport