Saturday, March 2, 2024

Proġett komprensiv ta’ restawr tal-Knisja l-Qadima tas-Salvatur f’Ħal Lija

Aqra wkoll

Għaddej ġmielu l-proġett ta’ restawr fuq il-Knisja l-Qadima tas-Salvatur f’Ħal Lija. Dan il-proġett huwa mmexxi mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u huwa mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Dan hu proġett ieħor li qed isir taħt l-iskema ta’ restawr għall-Kunsilli Lokali li ħarġet fl-2022.

Waqt żjara, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni għal din l-inizjattiva fejn qed ikompli jiġi enfasizzat il-valur tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna.

“Din il-knisja, bl-istorja rikka u s-sinifikat arkitettoniku tagħha, jistħoqqilha din l-attenzjoni metikoluża li qed tirċievi. Grazzi lil dawk kollha ddedikati għal dan il-proġett. Permezz tal-ħidma tagħkom qed niżguraw li l-istorja tibqa’ ħajja u apprezzata għas-snin li ġejjin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Perit Jean Frendo spjegat ix-xogħol li qed isir fosthom qed tiġi restawrata d-dehra oriġinali billi jitneħħew is-saffi tas-siment, qed isir tindif tal-uċuħ tal-knisja, qed jintuża mehrież speċjali biex jissewwew l-espansjonijiet esposti, qed jinbidel il-ġebel u jiġu skolpiti dekorazzjonijiet ġodda biex jinbidlu dawk bil-ħsara. Barra minn hekk, qed jiġu msewwija x-xquq biex jipprevjeni milli jidħol l-ilma u l-aperturi se jiġu restawrati.

Din il-Knisja kienet il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija għal kważi seklu sħiħ, preċiżament bejn l-aħħar tas-seklu 16 sas-seklu 17. Id-disinn oriġinali tal-knisja, dak rettangolari, ingħata dehra aġġornata lejn l-aħħar tas-seklu 16 biż-żieda ta’ transept.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.

Ekonomija

Sport