Il-Ħadd waranofsinhar il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru l-aħħar xogħlijiet li saru biex fil-jiem li ġejjin terġa’ tiftaħ il-korsa taż-żwiemel għall-kampjonat tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Proġett li sar skont kif imwiegħed fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din id-dixxiplina sportiva hi waħda importanti f’pajjiżna u rrimarka kif il-Gvern wettaq dak li wiegħed jiġifieri r-riġenerazzjoni tal-korsa taż-żwiemel fil-Marsa. Innota li fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa nħolqu faċilitajiet ta’ livell internazzjonali għat-tiġrijiet taż-żwiemel u t-taħriġ tagħhom fost l-oħrajn. Huwa saħaq li s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna tippermettilna li nkomplu ninvestu f’oqsma differenti mis-saħħa għall-edukazzjoni, mis-soċjal għall-familji u anki dawk ambjentali bil-pjanijiet ta’ żewġ parks nazzjonali fil-White Rocks u Manoel Island iżda mhux biss. Pajjiż ekonomikament b’saħħtu bħal Malta qed ikompli wkoll jinvesti fl-aqwa faċilitajiet sportivi għal dixxiplini sportivi differenti.
Waqt iż-żjara ġie spjegat lill-Prim Ministru kif il-komunità sportiva tad-dixxiplina tat-tiġrijiet taż-żwiemel dejjem kellha xewqa ta’ korsa ġdida ta’ kwalità li tista’ toffri aktar avvenimenti, professjonalità u serħan il-moħħ għall-isportivi. Ġie aċċennat ukoll li l-proġett kien intiż li jkompli jagħti prijorità lill-ħarsien tas-saħħa taż-żwiemel. Intqal kif il-korsa, li ġiet iddisinjata mill-Perit Malti Edwin Mintoff, taħt il-gwida tal-arkitett Żvediż Lars Sandstrom, issa tinsab fuq livell wieħed li tippermetti aktar veloċità u spettaklu għat-tiġrijiet waqt l-ipprattikar ta’ dan l-isport.
Il-korsa b’tul ta’ kilometru tipprovdi wkoll infrastruttura aktar sigura għaż-żwiemel. Xogħlijiet oħra li saru jinkludu sistema ta’ dawl ġdid fuq il-korsa ta’ ġewwa. Din se tkun qed toffri alternattiva aħjar għal taħriġ li jsir fid-dlam. Dan apparti li sar railing ġdid li jipprovdi s-sigurtà li hemm bżonn u t-tqegħid ta’ saffi differenti ta’ ġebel u ramel b’daqs u tipi varjati fuq il-wiċċ tal-korsa. Ġie spjegat ukoll li mad-dawra tal-korsa saret riġenerazzjoni bi tħawwil ta’ siġar ġodda.
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirringrazzja lil kull min kien involut fil-proġett u awgura kampjonat tat-tiġrijiet taż-żwiemel isbaħ f’korsa tal-ogħla livell.

