Sunday, February 2, 2025

Proġett mistenni mir-residenti li jingħaqad ma’ oħrajn f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Kompla l-investiment fil-Korp tal-Pulizija biex ikompli jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-komunità u jkun mhux biss ta’ servizz aqwa imma joffri wkoll ambjent aħjar lill-Uffiċjali tal-Pulizija.

Dan billi reġa’ fetaħ il-bibien tal-Għassa tal-Gżira wara xogħol estensiv ta’ rinovar, hekk kif l-Għassa kienet fi stat ta’ abbandun għal ħafna snin. Bl-għan hu li toffri servizz u tissaħħaħ is-sigurtà għar-residenti Gżirjani u l-madwar.

Il-Ministru Byron Camilleri tenna li qatt daqs illum ma l-Korp tal-Pulizija kellu preżenza qawwija fil-komunità u li dan il-Gvern qed ikompli jsaħħaħha bi proġetti bħal dawn.

“Din il-preżenza issa saħħaħnieha wkoll fil-lokalità tal-Gżira sabiex naqdu lir-residenti tal-Gżira u anke tal-madwar, dan jingħaqad ma’ preżenza qawwija fil-komunità li qiegħda twassalna wkoll sabiex pajjiżna fl-aħħar snin naqqas il-kriminalità. Ukoll qed noffru ambjent aħjar lill-membri tal-Pulizija li mhux biss saħħaħna l-kundizzjonijiet u drittijiet tagħhom imma anke l-ambjent tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Kommessi li nibqgħu nagħtu l-aqwa riżorsi kollha possibbli lill-Korp tal-Pulizija biex imbagħad ikun ta’ servizz għal pajjiżna.”

Ix-xogħlijiet li ġew konklużi fil-Gżira, li inkludew rinovar estensiv mhux biss fil-binja iżda anke fuq il-faċċata, jingħaqdu ma’ bosta xogħlijiet oħra li għaddejjin fuq numru ta’ għases fosthom fl-Imsida, il-Ħamrun, ir-Rabat u l-Imtarfa – li minn Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità ser jinbidel fit-tieni Domestic Violence Hub fil-pajjiż, fost oħrajn.

Dan fi sfond li fl-aħħar snin il-Gvern fetaħ għassa tal-Pulizija ġdida state-of-the-art f’Marsaskala,  fetaħ l-ewwel Gender and Domestic Violence Unit f’Santa Luċija, għamel rinovar totali f’numru ta’ għases bħal dawk ta’ Marsalforn u s-Siġġiewi li llum qed joperaw 24/7 filwaqt li bidel għases sekondarji li tradizzjonalment kienu jkunu magħluqa u bdew jiġu konvertiti bħala uffiċini tal-community policing filwaqt li fetaħ oħrajn ġodda bħal dak f’Marsaxlokk.

Dan filwaqt li ġiet ukoll introdotta l-faċilità ta’ remote reporting fejn persuna jkun jista’ jagħmel rapport mill-kumdità ta’ daru filwaqt li xorta waħda jkollu komunikazzjoni mal-Pulizija anke b’mod virtwali.

Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tenna li x-xogħlijiet ta’ rinovar estensivi li saru ġewwa l-Għassa l-Gżira, kif ukoll xogħlijiet oħra ta’ rinovazzjoni li qed isiru fl-Għases huma intiżi biex jipprovdu post tax-xogħol komdu għall-Pulizija, post tax-xogħol li jsaħħaħ il-motivazzjoni tal-uffiċjali u jirrifletti f’servizz aħjar għall-komunità.

“Dak li ħdimna u għadna qed naħdmu fuqu huwa li nkomplu nimxu minn Korp totalment reattiv għal wieħed iżjed preventiv, fejn permezz tal-preżenza tagħna u dak imsejjaħ intelligence-led policing, il-focus tagħna jsir il-prevenzjoni tar-reati.”

Fil-fatt, mhux biss l-istatistika tal-NSO tgħid li 90% tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Pulizija iżda anke r-Rule of Law Index jgħid li s-sigurtà ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha u jpoġġi lil Malta mal-iktar għaxar pajjiżi siguri fid-dinja.

Is-Sindku tal-Gżira, Neville Chetcuti, qal li, “Illum hija ġurnata speċjali għalina l-Gżirjani speċjalment għar-residenti, hekk kif se jkollna preżenza aqwa ta’ Pulizija fil-lokalità tagħna, il-ftuħ ta’ din l-Għassa, tfisser preżenza aqwa tal-Pulizija. Kienet ix-xewqa tiegħi mill-ewwel ġurnata li tlajt Sindku flimkien mal-Kunsilliera li tinfetaħ din l-għassa. Illum kburi li reġgħet infetħet.”

Is-Surġent Rachel Gatt qalet li personalment kellha l-opportunità li tara d-differenza li saret fl-Għassa tal-Gżira hekk kif laħqitha kif kienet qabel u issa għandha l-opportunità li tgawdiha wara li sar ir-rinovar. “Nista ngħid li entużjasta ħafna biex naħdem f’dan il-post daqsekk sabiħ u li jista’ jintuża aħjar biex nagħtu servizz professjonali lill-komunità filwaqt li aħna naħdmu f’ambjent sabiħ u nadif.”

L-investiment fl-għases jingħaqad mal-investiment fir-riżorsa umana b’aktar drittijiet u titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet tal-Pulizija, immodernizzar tal-flotta u l-għodod li jaħdmu bihom, l-introduzzjoni tal-body-worn cameras u titjib kontinwu fl-ambjent tax-xogħol, anke b’uniformi moderna u aktar prattika. 

Preżenti għall-ftuħ tal-Għassa rinovata tal-Gżira kien hemm ukoll il-Kunsill tal-Gżira u membri oħra tal-Korp tal-Pulizija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport