Għad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-aħħar xhur kienu impenjattivi fejn jidħlu proġetti infrastrutturali f’żoni u toroq residenzjali li kienu ilhom ma jsirulhom interventi maġġuri u importanti għar-residenti li jabitaw f’din il-lokalità u sewwieqa li jużaw dawn it-toroq.
Matul l-aħħar ġimgħat, fi Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr, segwiet ħidma intensiva u olistika li ser tkun qiegħda tiggarantixxi serħan il-moħħ lir-residenti Mġarrin, kif ukoll lil kull min jagħmel użu minn din it-triq maġġuri li tgħaqqad numru ta’ lokalitajiet.
Fi żjara fl-Imġarr, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia seta’ jara t-tlestija ta’ dan il-proġett infrastrutturali, li sar b’investiment ta’ €700,000.

“Dan il-proġett fl-Imġarr u oħrajn li saru u qegħdin isiru madwar il-pajjiż huma proġetti infrastrutturali kruċjali li fl-aħħar xhur id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi intensifika. Dawn il-proġetti olistiċi jsiru b’viżjoni – dik li niggarantixxu s-serħan il-moħħ lir-residenti u fl-istess ħin insaħħu s-saħħa u s-sigurtà tas-sewwieqa li jagħmlu użu minn dawn it-toroq residenzjali maġġuri,” spjega s-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Ix-xogħlijiet li saru kienu jinvolvu:
- Kostruzzjoni ta’ 350 metru ta’ bankini ġodda;
- Kostruzzjoni ta’ manholes ġodda biex il-manutenzjoni ssir aħjar tul is-sena;
- Mogħdija ta’ madwar 450 metru f’servizzi ġodda ta’ cables tad-dawl u servizzi tat-telekomunikazzjoni;
- Preparazzjoni ta’ culverts għall-ilma tax-xita biex tittaffa l-problema tal-għargħar fl-għelieqi tal-madwar;
- Bini ta’ ħitan tas-sejjieħ man-naħa tal-għelieqi biex tissaħħaħ is-sigurtà;
- Installazzjoni ta’ dawl ġdid tul it-triq;
- Servizzi ġodda tal-ilma u d-drenaġġ għad-djar li jmissu man-naħa ta’ Triq Temi Żammit; u
- 3,600 metru kwadru ta’ asphalt ġdid.
Is-Sindku tal-Imġarr Paul Vella stqarr kif dawn ix-xogħlijiet kienu bżonnjużi ħafna, mhux biss għas-sigurtà tas-sewwieq iżda wkoll għal dawk kollha li jużaw din it-triq prinċipali li twasslek għal numru ta’ spazji fil-lokalità tal-Mġarr.

