Monday, December 23, 2024

Proġett pilota biex iqarreb l-iskejjel mal-komunitajiet – ismijiet ġodda fl-iskejjel

Aqra wkoll

Tħabbar proġett pilota tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni flimkien mal-Union tal-Għalliema (MUT) li għandha żewġ aspetti prinċipali: l-edukazzjoni u l-komunità. Inizjattiva li tnediet f’Għawdex imma li se tkopri l-iskejjel kollha madwar il-pajjiż.

Permezz ta’ dan il-proġett pilota, filwaqt li l-Kulleġġi se jibqgħu magħrufin bl-isem li għandhom bħalissa, l-iskejjel se jingħataw ismijiet b’mod individwali. B’hekk l-iskejjel kollha fil-Kulleġġi se jkollhom ukoll apparti identità kollettiva, identità individwali.

F’Għawdex hemm prattikament skola primarja f’kull lokalità li huma msemmija għal persunaġġ minn kull lokalità li jinsabu fihom. Dan il-pass għalhekk se jiċċelebra l-ħidma ta’ dan il-persunaġġ, li f’kull każ hija parti mill-istorja wiesgħa ta’ pajjiżna.

“Irridu niċċelebraw xogħol dawn il-personalitajiet li f’ħajjithom taw kontribut mhux biss lil pajjiżna, imma wkoll lil kull lokalità li kienu ġejjin minnha. Huwa sinjal ta’ rispett lejn dawn l-Għawdxin u l-Maltin li ddedikaw ħajjithom b’xogħol li ħalla marka fuq il-komunitajiet tal-poplu tagħna. Qed nagħmlu dan il-pass biex inkomplu nqarrbu is-sistemi edukattivi tagħna mal-komunità li fuq kollox huma parti integrali minnha”, qal il-Ministru Clifton Grima. Il-Ministru Grima ħa wkoll l-okkażjoni biex jirringrazzja l-edukaturi li bħalissa jinsabu għadejjin bl-aħħar preparamenti għall-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida. Awgura wkoll lill-istudenti kollha li daqt jidħlu lura għat-tagħlim tagħhom, sena edukattiva mill-aqwa.

F’kull skola b’mod prominenti, u parti mill-proġett ‘Ħitan Jitkellmu’, se jkun hemm informazzjoni dwar dawn il-personalitajiet, ħajjithom, il-kisbiet tagħhom u x’għamlu għal pajjiżna, biex jinżammu ħajjin f’kull skola u istituzzjoni edukattiva.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal, “Inizjattivi bħal din, fejn kull skola primarja f’Għawdex se tingħata isem għal persunaġġ marbut mal-lokalità, jibqgħu jsaħħu l-identità tal-iskejjel tagħna.” Huwa spjega li dan il-proġett pilota se jżid l-għarfien qalb l-istudenti u l-pubbliku inġenerali fuq il-ħajjiet u x-xogħlijiet ta’ dawn il-persunaġġi. Camilleri temm billi awgura sena skolastika tajba lill-istudenti u lill-għalliema u stqarr li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma mal-Ministru Clifton Grima sabiex tkompli tissaħħaħ l-edukazzjoni fil-gżejjer tagħna.

Marco Bonnici, President tal-MUT semma li d-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni ssostni l-ħidma sfieqa tal-edukaturi bħala komunità b’identità marbuta mal-istess skola u lokalità. Huwa saħaq li din l-inawgurazzjoni għandha tkun il-bidu ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet f’kuntest aktar wiesa’ li twassal għal evalwazzjoni tas-sistema tal-kulleġġi li hija tant meħtieġa. Dan filwaqt li l-iskejjel ikunu jistgħu jibqgħu jgawdu minn rabta, fi ħdan il-kulleġġ, permezz ta’ identità marbuta ma’ persunaġġi Maltin li għamlu ġieħ lil pajjiżna.

F’din iċ-ċerimonja simbolika f’Ta’ Sannat, tfakkar il-Professur Ġuże Aquilina, li fost oħrajn jibqa’ ħaj għall-kisbiet li għamel bħala lingwista, kittieb u akkademiku. L-imħabba ta’ Aquilina għall-ilsien Malti u x-xogħol mill-aqwa bil-Malti kienet ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet ta’ studjużi u awturi Maltin u għadha hekk sal-lum.

Ekonomija

Sport