Monday, July 7, 2025

Proġett pilota ta’ sostenn għall-anzjani

Aqra wkoll

Mill-bidu ta’ dan ix-xahar beda proġett pilota f’20 lokalità madwar il-pajjiż relatat mal-iskema tal-BCRS. B’dan il-proġett, anzjani li għandhom ’il fuq minn 60 sena u dawk bil-blue badge, minflok imorru huma ħdejn il-magni biex jirriċiklaw il-kontenituri tax-xorb fil-magni, qed ikun hemm vannijiet speċjalizzati li jduru t-toroq f’dawn il-lokalitajiet u jieħdu l-fliexken minn wara l-bieb tad-djar tagħhom u jagħtuhom il-vawċer dak il-ħin stess.

Issa li din is-sistema kulma ilha topera ftit jiem biss, diġà ġew riċiklati mal-15,000 flixkun u għalhekk fil-fehma tagħna, dan juri li għalkemm għadha fil-bidu tagħha, diġà ntlaqgħet mill-pubbliku. Ma rridux ninsew li dan il-proġett sar wara l-bosta lmenti li kien qed ikun hemm, l-aktar minn anzjani, li kien ikollhom imorru huma ħdejn il-magni tal-BCRS u xi kultant ikollhom jistennew wara kjuwiet ta’ nies oħra biex jirriċiklaw il-kontenituri tax-xorb. 

Il-Gvern iżda aġixxa minnufih biex jindirizza din is-sitwazzjoni u saħansitra kien ċar mal-operaturi ta’ din l-iskema li kien hemm bżonn jittieħdu passi ġodda. U hekk fil-fatt sar. Filwaqt li nifhmu li kull skema ġdida trid tieħu ż-żmien tagħha biex tindara, u anke biex dak li jkun jibda jagħmel użu minnha, il-fatt li diġà bdew jiġu rreġistrati riżultati pożittivi f’dan ir-rigward, dan jawgura tajjeb għaż-żmien li ġej. Għalhekk issa nħarsu ’l quddiem biex dan il-proġett ikun estiż b’mod gradwali f’lokalitajiet oħra sakemm eventwalment l-iskema tkopri Malta kollha. 

B’dan il-mod ukoll pajjiżna jkompli jikseb riżultati fil-miri ambjentali tiegħu. Dan qed narawh isir permezz ta’ diversi proġetti oħra li jinċentivaw il-ħidma għal ambjent aktar nadif u sostenibbli, fosthom dawk ta’ spazji miftuħa li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dan juri wkoll kemm dan huwa Gvern li jisma’ u jaġixxi għaliex dan is-servizz ġdid mhuwiex biss risposta għal sfida prattika, imma konferma ċara li n-nies huma dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport