Saturday, May 4, 2024

Proġett ta’ €3 miljun fuq il-mollijiet tal-Bajja ta’ San Tumas

Aqra wkoll

Infrastructure Malta qed tibni tnejn minn tliet mollijiet fil-Bajja ta’ San Tumas, wara li dawn sofrew xi ħsarat minħabba snin ta’ kuntatt mal-ilma baħar u maltemp. Dan ix-xogħol għandu l-għan li jelimina l-periklu għall-għawwiema, is-sajjieda u d-dilettanti tad-dgħajjes li jagħmlu użu minn din il-bajja popolari, u jifforma parti mill-impenn li Infrastructure Malta qed twettaq għat-titjib tal-infrastruttura marittima f’Malta u Għawdex.

Dwar dan, il-Ministru Ian Borg qal li, “ninsabu kommessi li nissalvagwardjaw is-sigurtà tal-Maltin u l-Għawdxin, anke permezz ta’ infrastruttura adegwata. Dan ma jgħoddx biss għat-toroq tagħna iżda għall-bajjiet u l-portijiet ukoll. Din il-ħidma timxi id f’id mal-impenn ta’ Transport Malta, li timmarka żoni għall-għawwiema u twettaq infurzar fuq il-baħar. L-investiment fl-infrastruttura marittima huwa essenzjali u se nkomplu naħdmu biex ikollna portijiet aħjar u aktar siguri b’ambjent marittimu nadif u protett.”

Iż-żewġ mollijiet huma twal 50 metru. L-aġenzija qed tagħmel ħilitha biex il-maġġoranza tax-xogħlijiet tar-rikostruzzjoni jitlestew waqt ix-xhur tas-sajf meta l-baħar ikun għadu aktar kalm, kemm minħabba s-sigurtà tal-ħaddiema kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu. Ix-xahar li għadda, il-ħaddiema bdew it-twaqqigħ u t-tindif tal-istrutturi b’diversi miżuri għall-protezzjoni tal-ambjent. Bħalissa, l-istrutturi qegħdin jiġu iffurmati. Il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Sadanittant, hemm pjanijiet għal proġetti oħrajn f’din il-bajja, filwaqt li qed jinbnew żewġ mollijiet oħra mill-ġdid f’taż-Żonqor b’investiment ta’ madwar €840,000.

Sport