Friday, December 27, 2024

Proġett ta’ restawr f’Palazzo Ferreria

Aqra wkoll

Ġie inawgurat proġett ta’ restawr ieħor f’Palazzo Ferreria, fil-Belt Valletta, palazz li llum jilqa’ l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Dan il-proġett, b’investiment ta’ nofs miljun ewro, ħa ftit anqas minn sena biex jitlesta, u fih sar xogħol ta’ restawr u rinnovar estensiv tad-daħla tal-palazz, il-bitħa interna u diversi żoni li jmissu mal-bitħa.

Ix-xogħlijiet estensivi saru l-aktar fuq l-istrutturi tal-ħadid, tal-injam u anke fil-madum, b’dawn il-bidliet fl-elementi kollha jibqgħu jirriflettu l-importanza storika u arkitettonika ta’ din il-binja prestiġjuża.

Dan l-aħħar proġett ta’ restawr intern kien inawgurat mill-Ministru Michael Falzon fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Mark Musù, fost oħrajn.

Preżenti wkoll kien hemm il-Professur Raymond Mangion li għadu kif lesta l-ktieb dwar l-istorja ta’ Palazzo Ferreria bil-Malti u li tnieda fl-istess okkażjoni.

“Matul is-snin bdilna din il-binja minn post ta’ funderija fejn kienu jsiru xwabel u kanuni li jwasslu għall-qerda, għal palazz li fih illum jitfasslu mijiet ta’ miżuri ta’ ġustizzja soċjali”, stqarr il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Michael Falzon.

Dan il-proġett isegwi proġetti oħrajn li saru f’dan il-palazz li bihom kienu restawrati l-faċċata u l-bqija tal-binja minn barra u anke kienet twaħħlet sistema ta’ dwal mill-isbaħ li ssaħħar lil kull min jidħol il-Belt u spiss tispiċċa f’ritratti ppubblikati fuq diversi mezzi ta’ komunikazzjoni.

Ħajr speċjali ngħata wkoll lil diversi nies li kienu strumentali biex dan il-proġett jitwettaq, fosthom is-Sur Clifford Schembri, il-Perit Charles Azzoppardi u l-Inġinier Roger Chetcuti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport