Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti ħabbar it-tnedija ta’ proġett ġdid ta’ riċerka, ir-raba’ wieħed din is-sena, bil-għan li jikkumbatti l-problemi tad-dijabete, ulċeri dijabetiċi tas-saqajn u l-kolesterol f’pajjiżna.
B’investiment ta’ €60,000, il-proġett INNO-Diab se jkun immexxi mill-Professur Joseph Borg u t-tim tiegħu mill-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fi ħdan l-Università ta’ Malta. Bir-rata ta’ każijiet ta’ dijabete f’pajjiżna, li jlaħħaq il-11% tal-adulti, dan il-proġett se jara li jindirizza din il-problema sabiex itejjeb il-kwalità ta’ ħajja tan-nies. Permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi u testijiet bijoloġiċi ġodda, dan il-proġett se jwassal għal fejqan aktar veloċi u jonqsu l-amputazzjonijiet ikkawżati mid-dijabete u mill-kolesterol.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar il-benefiċċju ta’ proġett ta’ riċerka ta’ dan it-tip. “Ir-riċerka rridu nużawha sabiex nindirizzaw l-isfidi li għandna llum u li permezz tat-teknoloġija nistgħu negħlbu. Nafu bil-problema tad-dijabete li għandna f’pajjiżna u li tolqot ħafna familji Maltin u Għawdxin. Għaldaqstant, dawn il-fondi huma mmirati sabiex ikomplu jtejbu l-faċilitajiet u t-teknoloġiji ta’ saħħa,” qal is-segretarju parlamentari. Huwa tenna li l-Gvern qed juri biċ-ċar kemm huwa proattiv, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, b’għajnuniet ekonomiċi għar-riċerka fdati f’idejn l-aħjar imħuħ li għandna fis-settur f’pajjiżna.
“Dan l-investiment qiegħed isir direttament għan-nies sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja tagħhom, f’dan il-każ fejn tidħol is-saħħa pubblika. Se nkomplu nkunu minn ta’ quddiem sabiex insiru pijunieri fis-settur bi proġetti ta’ riċerka simili,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tiegħu, il-Professur Joseph Borg esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern qiegħed jinvesti f’dan il-proġett ta’ riċerka. Huwa tkellem dwar kemm ix-xjenza għandha l-poter li tbiddel il-ħajjiet tan-nies, u permezz tar-riċerka fl-Università ta’ Malta u l-kollaborazzjonijiet ma’ kollegi u ma’ entitajiet internazzjonali, qed jagħmlu passi kbar fit-tfassil ta’ għarfien ġdid dwar id-dijabete u l-kundizzjonijiet relatati. “L-istudji tagħna jmorru lil hinn mil-laboratorji tradizzjonali hekk kif għamilna permezz tal-Proġett Maleth, fejn l-esperimenti tagħna fuq il-feriti u l-ġrieħi tas-saqajn, kif ukoll il-ġenetika qed jagħtu tama ġdida għal dijanjosi aħjar u trattamenti innovattivi,” ikkonkluda l-Professur Borg.