Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes żar il-proġett ta’ riġenerazzjoni li qiegħed isir ġewwa l-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali fiż-Żejtun. Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni, b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro, jikkonsisti fost l-oħrajn, fit-tisbiħ tal-faċċati tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali.
Ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni tlesta f’erba’ blokok ta’ appartamenti f’dan il-qasam, filwaqt li x-xogħol fuq il-ħames blokka jinsab fl-aħħar fażi tiegħu. Dan ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni se jibqa’ għaddej sakemm jitlestew l-10 blokok t’akkomodazzjoni soċjali f’din iż-żona. Permezz ta’ dan il-proġett se jkunu qed jibbenefikaw xejn anqas minn 87 familja.
Bħalma huwa l-każ fi proġetti oħra simili ta’ riġenerazzjoni li tlestew f’lokalitajiet madwar il-pajjiż, fosthom f’Ta’ Giorni, fil-Fgura, fil-Mosta, fil-Ħamrun u f’Santa Luċija, dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni f’oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali qed joffru lir-residenti konċernati ambjent isbaħ u livell ta’ ħajja ta’ kwalità ogħla.
Waqt li kien qed iżur ix-xogħol li twettaq f’dan il-qasam ta’ akkomodazzjoni, il-Ministru Roderick Galdes sostna li dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni huwa investiment min-naħa tal-Gvern li se jkompli jgħolli l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk kollha li joqgħodu f’dan il-qasam tad-djar.
“Bħal proġetti l-oħra li diġà lestejna, anke dan se jkun qiegħed ikompli jsaħħaħ id-dinjità tal-familji tagħna. Permezz ta’ proġetti bħal dawn qed inkomplu nagħmlu d-differenza fil-ħajja tar-residenti konċernati. L-aspett estetiku ta’ kif jidhru dawn il-blokok huwa mill-aktar importanti, iżda aktar minn hekk, huwa essenzjali li tali proġetti jwasslu biex joħolqu differenza fil-ħajja tar-residenti,” sostna l-Ministru.
Il-Ministru Galdes sostna wkoll li bħala Ministeru qed tingħata ħafna importanza għal proġetti simili ta’ riġenerazzjoni, tant li fl-aħħar jiem ġie ukoll iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema impjegati tal-Housing Projects Solutions Ltd, fil-gradi ta’ foreman u tradesperson, liema entità qiegħda taħdem bi sħiħ f’dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali diversi madwar Malta.