Wednesday, October 22, 2025

Proġett ta’ riġenerazzjoni ieħor… din id-darba fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar il-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f’Raħal Ġdid fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet estensivi fuq għadd ta’ blokok residenzjali.

Dan il-proġett, li qed jitwettaq mill-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Housing Projects Solutions Limited, jinvolvi xogħlijiet fuq il-faċċati, l-entraturi, il-partijiet komuni u s-soqfa ta’ 10 blokok li jkopru total ta’ 67 appartament. L-investiment għal dawn ix-xogħlijiet jammonta għal aktar minn €420,000 li minnu se jgawdu s-67 familja li jgħixu hemm.

L-iskop ta’ dan il-proġett mhux biss li jsiru interventi strutturali u ta’ manutenzjoni iżda wkoll li jitjieb l-ambjent estetiku tal-lokal, sabiex ir-residenti jgawdu minn spazju aktar sikur u ta’ kwalità.

Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Galdes sostna li dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni huma parti minn ħidma kontinwa li l-Gvern qed iwettaq f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.

“Il-kwalità tal-ħajja tar-residenti hi prijorità għalina. Għalhekk, permezz ta’ dawn il-proġetti ta’ riġenerazzjoni mhux biss qed nagħtu libsa ġdida lill-oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali iżda qed inqajmu sens ta’ kburija u rispett lejn l-ambjent fejn jgħixu dawn il-familji. Dan hu investiment fid-dinjità tan-nies,” saħaq il-Ministru.

Il-Ministru Galdes kompla jgħid li l-Gvern se jkompli jżid l-isforzi tiegħu favur saqaf dinjituż u ambjent ta’ kwalità madwar il-komunitajiet kollha ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Xogħlijiet simili ta’ riġenerazzjoni saru jew qed isiru f’diversi lokalitajiet oħra fosthom Ħal Tarxien, il-Gudja, il-Mosta, Santa Luċija, il-Marsa, il-Fgura, Ta’ Giorni, iż-Żejtun u l-Ħamrun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport