Sunday, December 22, 2024

Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mosta favur il-ġid tal-komunità

Aqra wkoll

Fil-Pjazza tal-Mosta fejn sar proġett ta’ riġenerazzjoni b’mod ewlieni minn Infrastructure Malta, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-proġett ambizzjuż li sar u proġetti oħra li twettqu jibqa’ jkollhom għan prinċipali favur il-ġid tal-komunità.

Il-proġett, li sar ukoll bil-għajnuna fost oħrajn tal-Awtorità għat-Turiżmu u l-Awtorità tal-Ippjanar, kien jinkludi pavimentar, sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u rinovar ta’ bankini f’parti minn Triq il-Kostituzzjoni, b’materjal tal-qawwi. Fuq il-post sar ukoll wiċċ t’asfalt u l-pjazza ngħata aktar lin-nies.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-kuraġġ tal-Kunsill Lokali Mosti li daħal għal dan il-proġett. “Irridu wkoll ikollna l-kuraġġ li nġibu l-bidla fl-istess ħin li nisimgħu lill-komunità”, saħaq Dr Abela hu u jisħaq li rridu niddjalogaw aktar mal-komunità Mostija fosthom dwar l-immaniġjar u l-isfida tat-traffiku, li għandha tkun prijorità ta’ Kunsill Lokali ġdid tal-Mosta.

Qal li bit-tlestija tal-proġett, se nagħtu nifs kbir iżda fejn nistgħu noħolqu soluzzjonijiet ġodda, dan għandu jsir minn Kunsill Lokali ġdid. Hawnhekk il-Prim Ministru saħaq li l-Kunsill Lokali se jsib l-appoġġ tal-Gvern. “Għalhekk nemmen li intom il-Kunsilli Lokali tridu tkunu l-protagonisti li twettqu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħna u tkunu fuq quddiem nett tal-ħidma tal-Gvern li tagħti s-saħħa lil kull ċittadin”, qal il-Prim Ministru. Dr Abela nnota wkoll kif dan il-proġett se jkun ikkumplimentat bil-proġett ambizzjuż ta’ Project Green, għal spazju aħdar u miftuħ ftit passi ’l bogħod mill-pjazza.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet pubbliċi Chris Bonett spjega kif dan it-tisħiħ se jħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti filwaqt li irringrazzja lil kull min kien parti minn dan il-proġett estensiv li involva il-kordinament ta’ ħafna entitajiet. “Ix-xogħol fuq din il-pjazza mhux wieħed iżolat imma huwa parti minn strateġija usa’ tal-Gvern li jrid jara l-komunitajiet lokali jerġgħu jieħdu l-ħajja. Dan kif, bħal xogħol li għaddej f’diversi pjazez oħra qed nagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex billi nżidu ċ-ċentri pedonali fil-qalba tal-irħula, intejbu l-aċċess għan-nies u noħolqu ambjent aħjar”, qal il-Ministru Bonett.

Is-Sindku tal-Mosta Chris Grech qal li l-proġett indirizza t-traffiku li kien jgħaddi, is-sistema ta’ parkeġġ u tniġġis fl-arja li kien litteralment joħnoq din il-pjazza mit-Tnejn sal-Ħadd. “Tajna lura lill-Mostin u lil dawk li jżuruna, pjazza sabiħa bi proġett ta’ riġenerazzjoni”, qal is-Sindku Grech.

Ekonomija

Sport