Sunday, December 22, 2024

Proġett ta’ tisbiħ biex jtejjeb il-kwalità tal-ħajja f’Għajnsielem

Aqra wkoll

Kompliet l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ tisbiħ fil-lokalitajiet tal-gżejjer Maltin iffinanzjati bi sħab mill-aġenzija LESA u l-kunsilli lokali. Din id-darba kien imiss il-lokalità ta’ Għajnsielem f’Għawdex fejn il-LESA ffinanzjat €80,000 għal proġett ta’ tisbiħ.

Il-proġett f’Għajnsielem ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, u s-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi.

Il-Ministru Byron Camilleri fakkar kif fi tliet snin biss l-aġenzija LESA ffinanzjat madwar €3 miljun għal diversi proġetti fil-gżejjer Maltin immirati biex igawdu minnhom id-diversi komunitajiet.

“Fi ftit ġimgħat oħra se nħabbru wkoll dawk il-proġetti li tressqu ’l quddiem mid-diversi kunsilli lokali u li se jiġu ffinanzjati mill-fondi tal-aġenzija LESA, fejn se nkomplu ninvestu fi proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clint Camilleri spjega kif dan il-proġett biddel il-promenade f’wieħed ġdid, b’diversi bankijiet u kostruzzjoni mill-ġdid tal-ħitan tas-sejjieħ. “Dan huwa l-mod kif il-Kunsilli tagħna qegħdin isebbħu l-akkwati li mhumiex fiċ-ċentru tal-irħula imma jinsabu fl-isbaħ postijiet li għandna madwar il-gżira Għawdxija,” tenna l-Ministru Camilleri.

Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ kienu mifruxa fuq medda ta’ nofs kilometru u kienu jinkludu twessiegħ tal-bankina sabiex tinkludi spazju ġdid iddedikat għal bankijiet u għamara oħra għat-triq, siġar, dwal dekorattiv, disinni tal-mużajk, librerija żgħira u żieda fir-rampi biex jagħtu aċċessibilità akbar. Il-proġett involva wkoll il-bini ta’ ħitan tradizzjonali kif ukoll immaniġġjar aħjar għall-parkeġġ. L-għan aħħari kien li jinħoloq spazju ġdid u miftuħ biex jitgawda mill-komunità filwaqt li jitwettaq proġett li jilħaq diversi miri soċjali u ambjentali.

Ekonomija

Sport